Arċipriet ġdid għall-Imsida u kordinatur djoċesan għall-pastorali mal-anzjani

Print Friendly, PDF & Email

Arċipriet ġdid għall-parroċċa tal-Imsida

L‑Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Mario Mifsud bħala arċipriet tal‑parroċċa ta’ San Ġużepp fl‑Imsida.

Dun Mario Mifsud twieled Ħ’Attard fis‑17 ta’ Mejju 1963 u rċieva l‑edukazzjoni primarja fl-iskola statali tal-Ħamrun, is-sekondarja fil‑Liċeo, il‑Ħamrun u fis‑Seminarju Minuri. Qabel ma daħal għall‑formazzjoni saċerdotali fis‑Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù, fl‑1988 ggradwa bħala accountant mill‑Università ta’ Malta.

Huwa ġie ordnat saċerdot fis‑16 ta’ Settembru 1994 u beda l‑ħidma pastorali tiegħu bħala viċi kappillan fil‑parroċċa ta’ Ħal Tarxien. Fl‑1996 nħatar kappillan tal‑parroċċa tal‑Madonna ta’ Lourdes f’Raħal Ġdid. Fl‑2003 kien kappillan tal‑parroċċa ta’ Santa Marija fil‑Qrendi u fl‑2014 beda jservi ta’ kappillan fil‑parroċċa tal‑Immakulata Kunċizzjoni fil‑Ħamrun.

Il‑parroċċa ta’ San Ġużepp fl‑Imsida tiġbor fiha madwar 8,500 persuna.


Kordinatur djoċesan għall-ħidma pastorali mal-anzjani

L‑Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Simon Sciberras bħala kordinatur djoċesan għall-ħidma pastorali mal-anzjani.

Dun Simon Sciberras twieled Ħ’Attard fl‑14 ta’ Ġunju 1969. Irċieva l‑edukazzjoni primarja tiegħu fl‑iskola ta’ St Joseph, Tas‑Sliema, kif ukoll fil‑Kulleġġ Stella Maris, il‑Gżira, fejn kompla wkoll l‑edukazzjoni sekondarja. Huwa kiseb l‑edukazzjoni postsekondarja fil‑Kulleġġ Ġan Franġisk Abela, l‑Imsida. Dun Simon irċieva l‑formazzjoni saċerdotali fis‑Seminarju tal‑Arċisqof f’Tal‑Virtù u kompla l‑istudji terzjarji fil‑Fakultà tat‑Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl‑Università ta’ Malta.

Dun Simon ġie ordnat saċerdot fit‑2 Lulju 1999. Beda l‑ħidma pastorali tiegħu fil‑parroċċa ta’ San Ġużepp fl‑Imsida fejn serva bħala viċi kappillan għal erbatax‑il sena. Fl‑2013 nħatar rettur tal‑Knisja ta’ Kristu Rxoxt (Tal‑Erwieħ) f’Ħal Tarxien waqt li fl‑2018 serva bħala kappillan tal‑parroċċa tal‑Imsida u mill‑2019 sar l‑ewwel arċipriet tal‑istess parroċċa.

Leave a Reply

%d bloggers like this: