Minn Edward P. Tagliaferro
Kont fuq pultruna, mitluf naqra ktieb. Għalkemm kienu fl-istess kamra leħinhom kien jinstama’ fil-bogħod: il-mara kienet qed tgħin lit-tifla tiegħi Shirley ta’ tmien snin fix-xogħol tal-iskola. Kellha ssib nies differenti fejn joqgħodu: Eskimo fl-igloo, Indjan fil-wigwam, eċċetra.
F’daqqa waħda, Shirley daret lejja u saqsietni: “Pa, Alla fejn joqgħod?”
“Fil-bir,” weġibtha jien pront pront.
“X’inti tgħid?” ċanfritni l-mara. “Dawn mhux affarijiet taċ-ċajt, tafx?”
Kont wasalt f’punt kritiku tal-ktieb fejn id-ditektiv kien se jikxef m’inhu l-qattiel. Iżda t-ton li biha kellmitni l-mara ġegħilitni nniżżel il-ktieb u nistenbaħ għar-rejalta tal-ħajja.
“Eh, x’inhu? Skużi? X’għidtli?”
“Int x’għidt! Ġej tgħid li Alla joqgħod fil-bir,” kompliet tlumni l-mara.
“Hekk għidt jien? Min jaf għax ħarġitli hekk, tant spontanja?” komplejt jien biex nirrispondi lill-mara, fil-waqt li bdejt naħseb bejni u bejn ruħi.
F’daqqa waħda ftakart fi storja li kienet qaltilna għalliema fil-klassi ħafna snin ilu, fuq tifel jismu Jan li kien jgħix f’raħal żgħir fil-Polonja, mhux bogħod ħafna mill-foresta. Kull tant żmien kienu jgħaddu mill-pjazza tar-raħal xi żingari, ibiegħu xi kullani taż-żibeġ u ħwejjeġ żgħar oħra li kienu jagħmlu b’idejhom. Kienu wkoll jimlew l-ilma minn bir li kien f’nofs il-pjazza għall-użu ta’ kulħadd.
Darba waħda, fost iż-żingari kien hemm raġel twil u qawwi, li f’għajnejn Jan kien jidher qisu ġgant. Niżżel barmil b’ħabel u tella’ l-ilma. Beda jixrob mill-barmil, għalkemm nofs l-ilma beda jinxtered mal-art. Jan baqa’ jħares lejh issummat. Meta xorob kemm felaħ, iż-żingaru ħall maktur aħmar b’tikek bojod li kellu marbut m’għonqu, u beda jixxotta l-għaraq minn fuq xbinu, u l-ilma minn ma’ ħalqu. Kif lesta, qagħad għal xi ħin jittawwal ġol-bir.
Jan ġietu kurżita kbira. “Dak lejn x’hiex qed iħares fil-bir, tgħid?” qal bejnu u bejn ruħu. Resaq lejn il-bir u kien għoddu se jistaqsih x’kien qed jara, meta ż-żingaru qallu:
“Taf min joqgħod hemm isfel?”
“Le, ma nafx,” wieġbu Jan.
“Alla joqgħod hemm. Ejja ħa nurik.” U qabdu u għollieh biex ikun jista’ jittawwal ġol-bir.
Fl-ilma ċar qisu mera Jan ra r-riflessjoni tiegħu.
“Imma dak jien!” għajjat Jan.
“Ah!” wieġbu ż-żingaru, fil-waqt li niżżel lil Jan bil-galbu. “Mela issa taf fejn tassew joqgħod Alla!”