Meta tisma’ lil xi ħadd imaqdar is-sewqan tan-nisa, fakkru li kienet mara li saqet karozza għall-ewwel darba għal ċertu distanza twila. Din il-mara kienet ħadd ħlief Berta Benz, mara kwieta, omm ta’ tlitt itfal.
Ir-raġel tagħha, l-inġinier Ġermaniż Carl Benz, kien għadu kif ivvinta l-ewwel magna taħdem bil-petrol. L-ewwel iddisinjaha, u mbagħad bniha. F’dak iż-żmien, ħadd ma kellu fiduċja f’din l-invenzjoni l-ġdida. Ħafna kienu dawk li kellhom dubju jekk qatt din se tkun utli għal xi ħaġa fil-ħajja ta’ dak iż-żmien.
Għalhekk, mas-sebħ ta’ dik l-għodwa f’Awwissu tal-1888, Berta ‘l-Kuraġġjuża,’ geżwret tnejn mit-tliet uliedha kemm felħet, u għabbiethom fil-karozza, waqt li Carl kien għadu rieqed. Hekk beda vjaġġ storiku minn Mannheim fejn kienu joqogħdu sa Pforzheim, xi 112 kilometru ‘l bogħod f’toroq b’ħafna tlugħ u nżul.
Kien vjaġġ skabruż ħafna. Din l-ewwel magna kellha biss horsepower wieħed. Għat-telgħa, kellhom jinżlu jinbuttaw. Għan-niżla, il-brejkijiet tal-ġilda bdew jittieklu malajr. Għalhekk, Berta kellha tieqaf diversi drabi fit-triq għand xi skarpan biex isammrilha brejkijiet ġodda,
Meta ħin minnhom, il-magna waqfet u ma riditx tistartja aktar, indunat li l-valv tal-petrol kien ibblukkat. Dan fetħitu b’furfiċetta, u rabtitu sew b’biċċa lastiku li ħadet minn kalzetta. Għall-petrol, bdiet tieqaf minn spiżjar għall-ieħor tixtri l-benzina flixkun flixkun. Sa fl-aħħar dawn it-tliet persuni qalbiena waslu fid-destinazzjoni tagħhom. Ħamest iiem wara reġgħu għamlu l-vjaġġ lura d-dar.
B’hekk Berta Benz tat risposta lid-dinja: il-karozza ta’ Carl Benz kapaċi ġġorr persuni għall-vjaġġi twal u malajr.
Minn Edward Tagliaferro