L-UNICEF qed tenfasizza l-effet li qed ikollha l-gwerra fl-Ukrajna fuq il-ħajja tat-tfal fil-pajjiż. Fi stqarrija minn Catherine Russell, Diretter Eżekuttiv tal-karità tat-tfal tal-Ġnus Magħquda, hija tgħid: “Mill-inqas 972 tifel u tifla fl-Ukrajna nqatlu jew indarbu bil-vjolenza minn mindu l-gwerra eskalat kważi sitt xhur ilu. Medja ta’ aktar minn ħamest itfal maqtula jew midruba kull jum”. Dawn iċ-ċifri koroh huma dawk li l-Ġnus Magħquda setgħet tivverifika. L-organizzazzjoni temmen li n-numru veru huwa ħafna ogħla.
Peress li żoni popolati bħal Mariupol, Luhansk, Kremenchuk, u Vinnystia huma fil-mira, l-użu ta’ armi splussivi kkawżaw ħafna mid-diżgrazzji tat-tfal. “Għal darb’oħra, bħal fil-gwerer kollha, id-deċiżjonijiet bl-addoċċ tal-adulti qed ipoġġu lit-tfal f’riskju estrem. M’hemm l-ebda operazzjonijiet bl-armi ta’ dan it-tip li ma jwasslux lit-tfal iweġġgħu”, tgħid Russell.
Hija tindika wkoll li “lil hinn mill-orrur ta’ tfal li jinqatlu jew iweġġgħu fiżikament f’attakki, kważi kull tifel u tifla fl-Ukrajna ġew esposti għal avveniment ta’ dwejjaq kbar, u dawk li jaħarbu mill-vjolenza huma f’riskju sinifikanti ta’ separazzjoni tal-familja, vjolenza, abbuż, sfruttament sesswali u traffikar”.
F’dan iż-żmien tas-sena t-tfal qed jippreparaw biex imorru lura l-iskola. Madankollu, għat-tfal li nqabdu f’din il-gwerra, id-Direttur Eżekuttiv tgħid, li r-ritorn lura lejn il-klassi “hija tfakkira qawwija ta’ kemm intilfu tfal fl-Ukrajna”. L-UNICEF tikkalkula li waħda minn kull għaxar skejjel saritilhom il-ħsara jew inqerdu u s-sistema edukattiva nnifisha ġiet meqruda mill-eskalazzjoni tal-ostilitajiet madwar il-pajjiż. Russell tisħaq “lit-tfal kollha jeħtieġ li jkunu l-iskola u jitgħallmu, inklużi tfal maqbuda f’emerġenzi. T-tfal fl-Ukrajna u dawk li kellhom jaħarbu minn din il-gwerra mhumiex eċezzjoni”.
Il-karità tat-tfal tkompli ssejjaħ għal waqfien mill-ġlied immedjat fl-Ukrajna u biex it-tfal kollha jiġu protteti mill-ħsara. Dan jinkludi t-tmiem tal-użu brutali ta’ armi splussivi f’żoni popolati u attakki fuq faċilitajiet infrastruttura ċivili. “It-tfal tal-Ukrajna jeħtieġu b’mod urġenti sigurtà, stabbilità, aċċess għat-tagħlim sikur, servizzi ta’ protezzjoni tat-tfal, u appoġġ psikosoċjali”, tgħid id-Direttur Eżekuttiv. “Imma aktar minn kull ħaġa oħra, it-tfal tal-Ukrajna għandhom bżonn il-paċi”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/world/news/2022-08/unicef-nearly-1-000-children-killed-or-injured-in-ukraine.html