Papa lill-Familji: “Tinsew qatt it-talb, li jżomm il-fidi tagħna ħajja”

Print Friendly, PDF & Email

“Ejjew ma ninsewx it-talb, għax it-talb jgħinna nżommu l-fidi ħajja; l-balzmu tal-fidi jiġi ppreservat billi ħafna drabi nduru ħsibijietna lejn il-Mulej: tant li jista’ jgħinna nħarsu lejn ix-xbieha tal-kurċifiss, u npoġġu ħarsitna fuqu… Dan huwa mod sabiħ kif titlob”. Il-Papa Franġisku qal dan meta l-Ġimgħa ltaqa’ mal-Familja ta’ Pedro Maria Guirmaraes de Mello fil-Vatikan.

Il-familja Mello hija familja Nisranija ta’ intraprendituri u bħala tali għandha aktar minn 100 sena ta’ storja, ddedikata għar-responsabbiltà soċjali, b’rabtiet b’saħħithom ħafna mal-Università Kattolika Portugiża. Il-familja ta’ 12-il aħwa timpjega ‘l fuq minn elf ruħ, hekk kif jaħdmu biex jiżviluppaw in-negozji tagħhom u l-kollaboraturi tagħhom għal dinja aħjar.

Fil-kummenti tiegħu, l-Papa rringrazzjahom għax-xhieda u l-imħabba tagħhom lejn il-Knisja u għall-“pellegrinaġġ lejn il-qabar ta’ San Pietru”. “Hija l-fidi f’Ġesù li ġabitkom hawn u ġabitkom flimkien. Sabiħ li tara familja magħquda, u familja msaħħa bid-don tal-fidi”.

Il-Qdusija Tiegħu esprima l-ferħ tiegħu li jara l-familja u jaħseb f’familji bħalhom. “Li nara l-familja tagħkom u naħseb f’familji bħal tagħkom,” irrifletta l-Papa, “ifakkarni fis-Salm 133: ‘Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammur flimkien! Bħal żejt mill-aħjar imsawwab fuq ir-ras, li jinżel…’” Il-Papa nnota liż-żejt huwa xbieha sabiħa ta’ għaqda, u tal-kuntentizza li tkun f’komunjoni. “Imma ż-żejt”, żied jgħid, “huwa wkoll xbieha tal-fidi li ssaħħaħ ir-rabtiet tagħna u, permezz tal-Ispirtu s-Santu, tagħmel possibbli l-armonija fil-familji – dan huwa importanti – l-armonija wkoll fil-Knisja, fid-dinja”.

Il-Papa Franġisku kompla, “Inħeġġiġkom, li qatt ma tħallu ż-żejt tal-fidi jispiċċa mill-lampi tagħkom”. B’hekk, huma jkunu qed jikkollaboraw mal-grazzja ta’ Alla li nesperjenzaw fil-laqgħa tagħna miegħu. “Nesperjenzaw il-preżenza tal-Mulej f’ħafna ċirkostanzi, iżda speċjalment fis-sagramenti u l-meditazzjoni fuq il-Kelma Tiegħu,” huwa qal.

Tinsew qatt it-talb, saħaq il-Papa. “Mhux biss iżżommu l-fidi ħajja, imma l-att li nduru proprju ħsibijiet lejn il-Mulej”, jista’ jagħmel tant ġid lill-fidili. “Li żżomm ħarstek fissa fuq il-Kurċifiss, qal il-Papa, huwa mod sabiħ ta’ kif nitolbu”.

“Bħala familja u bħala individwi”, qal, “nistedinkom timxu ‘l quddiem fil-mixja tagħkom ta’ fidi, b’fiduċja fit-tjubija tal-Mulej u fil-ħarsien tal-Verġni Mqaddsa, li intom tqimuha b’tant mħabba ġo Fatima”. L-Papa Franġisku temm billi stedinhom jingħaqdu miegħu fit-talba ta’ tliet Ave Marijiet u talabhom biex jitolbu għalih.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-08/pope-francis-receives-family-of-pedro-maria-guimaraes-de-mello.html

%d bloggers like this: