Kif mastrudaxxi medjevali qed jibnu mill-ġdid in-Notre Dame

Print Friendly, PDF & Email

Kienet is-sena 1253 meta nobbli ta’ klassi modesta, Gilbert Courtenay, irħielha fuq iż-żiemel biex imur jiġġieled fil-Kruċjati. Ħalla l-mara biex tieħu ħsieb il-ħaddiema li kienu qed jibnu d-dar ġdida tal-familja, binja ta’ kastell li kien jixraq l-istat tiegħu bħala kavalier umli fis-servizz tar-Re Lwiġi IX.

Il-kastell ta’ Guédelon

F’dawn l-aħħar snin, il-kastell qed jiġi mibni mill-ġdid. Hu magħruf bħala ‘l-kastell ta’ Guédelon’, imsemmi għar-roqgħa fil-foresta bl-istess isem, fin-naħa ta’ fuq ta’ Bourgogne, fi Franza. Hemmhekk l-istorja qed terġa’ tintqal, mat-taħbita tal-iskalpell fuq il-knaten tal-ġebel u mal-ħoss tal-lexxuna fuq l-injam. Hekk il-ħaddiema tas-seklu 21 qed jitgħallmu s-snajja minsija taż-żmien medjevali.

Il-kastell Guédelon waqt li qed jinbena, sena 2020

F’dan il-kastell għaddej proġett ta’ arkeoloġija sperimentali li beda 25 sena ilu, fejn jintużaw biss għodda u metodi taż-Żminijiet tan-Nofs. Fejn possibbli, il-materjal ikun tal-lokal, bħall-ġebel minn barriera fil-foresta. Il-ġrajjiet tal-aħħar snin taw lill-kastell rwol vitali fir-restawr tal-istruttura u tar-ruħ tal-katidral ta’ Notre Dame ta’ Pariġi.

Il-katidral imponenti tas-seklu 13, li hu wirt dinji, saritlu ħafna ħsara bin-nar f’April tal-2019, l-aktar fl-istruttura tas-saqaf li tissejjaħ Il-Foresta, għar-raġuni li kienu ntużaw għadd kbir ta’ siġar fil-bini tas-saqaf. Wara n-nar, deher li kien impossibbli li s-saqaf jinbena kif kien.

Studjużi ta’ xogħol b’injam kif kien isir fi żmien medjevali jżommu li l-gwarniċ tas-saqaf tal-katidral kien maħdum b’mod sofistikat ħafna u ntużaw tekniki avvanzati għas-seklu 12 u 13. Qalu li trid eluf ta’ siġar u llum mhux faċli li ssib siġar addattati għal hekk. Ukoll, l-injam irid jitnixxef għal snin u llum ma tantx issib min jaf kif isiru t-travi bħal dawk tal-Medjuevu. Imma xogħol bħal dan ilu jsir is-snin fl-“iskola” ta’ Guédelon.

Is-sengħa Medjevali

Diġà numru ta’ kumpaniji li applikaw għax-xogħol f’Notre Dame qabbdu mastrudaxxi li ġew imħarrġin fil-Guédelon. Ikun eħfef u orħos li t-travi jinħadmu minn magna li tqatta l-injam, l-aktar bil-wegħda tal-president Franċiż Emmanuel Macron li jrid jerġa’ jiftaħ il-katidral fl-2024. Imma ma ssib lil ħadd fil-Guédelon li jemmen li x-xogħol għandu jsir b’dak il-mod.

Stéphane Boudy hu wieħed mill-grupp żgħir ta’ mastrudaxxi f’dan is-sit medjevali fejn ilu jaħdem mill-1999. Boudy, ta’ 51 sena, kien furnar, imbagħad ħaddiem fl-elettriku, sakemm skopra l-vokazzjoni tiegħu fil-Guédelon. Jispjega kif jitnaqqax kull travu bl-idejn, minn siġra waħda; dan jirrispetta l-“qalb” tal-injam aħdar li jagħtih is-saħħa u r-reżistenza.

“Aħna għandna 25 sena ta’ esperjenza fit-tqattigh u t-tnaqqix tal-injam bl-idejn,” jgħid Stephane. “Huwa dak li għamilna kuljum għal 25 sena sħaħ. Hemm nies hemm barra li jistgħu jagħmluh, imma ngħidilkom li lkoll ġew jitgħallmu hawn fi Guédelon biex jaraw kif. Kieku ma kienx jeżisti dan il-post, ma kienx ikun possibbli li jerġa’ jinbena sew is-saqaf tan-Notre Dame. Imma aħna wrejna li dan hu possibbli. Din mhijiex nostalġija; ir-raġuni li għaliha s-saqaf tan-Notre Dame serva 800 sena hi minħabba s-sengħa li biha nbena. Ma hemmx “qalb” f’injam maqtugħ bil-magna.”

Il-katidral ta’ Notre Dame meta nħaraq fl-2019

Maryline Martin hi l-ko-fundatriċi tal-proġett Guédelon li jiġbed madwar 300,000 viżitaturifis-sena u kien imsemmi fid-dokumentarju tal-BBC fl-2014, “Sigrieti tal-Kastell”. Tgħid li l-ħaddied tal-kastell ġie mqabbad biex jaħdem il-lexxuni biex jirfinaw l-injam għan-Notre Dame. Il-mastrudaxxi ta’ Guédelon huma mistennija li jħarrġu nies għax xogħol fil-katidral. Tgħid li: “Hu ta’ prestiġju għalina li n-Notre Dame se jkun ristawrat b’ħafna nies li tgħallmu s-sengħa fil-Guédelon. Din tagħna hi intrapriża privata, mitlufa fil-foresta, u ma nirċievu l-ebda ħlas pubbliku. Naħdmu ma’ ħafna entitajiet ta’ riċerka”. Issa, wara 25 sena, aħna nistgħu nifhmu u nkunu kapaċi nagħmlu dak li hu meħtieġ. B’xi mod jew ieħor, nies minn tagħna se jkunu jaħdmu fuq in-Notre Dame.” “Madankollu”, tkompli Maryline: “għax għadna mmorru Pariġi? Nistgħu nkomplu hawn bix-xogħol tas-seklu 13.”

Bil-mod u kif xieraq

Florian Renucci, il-maniġer tal-Guédelon, filosfu li sar mgħallem tan-naġġara, ġie mitlub biex  jissorvelja it-taħriġ tal-ħaddiema li qed jaħdmu fin-Notre Dame. “Smajna”, qal, “u erġajna smajna li n-Notre Dame kif maħruq mhux possibbli li jerġa’ jinbena bis-saqaf kif kien qabel. Qalu li ma ssibx injam bħalu, lanqas il-mod kif taħdmu. Dan kien l-argument ta’ dawk li riedu jimxu fuq il-modern. Aħna wrejna li jista’ jsir bil-mod medjevali, u aħna nafu kif nagħmlu dan.

Frédéric Épaud imexxi l-kumitat xjentifiku ta’ Guédelon u qiegħed ukoll fuq il-kumitat li jissorvelja xi restawr tan-Notre Dame. Hu membru taċ-Ċentru Nazzjonali tar-Riċerka Xjentifika ta’ Franza. Épaud jgħid li: “M’għandux ikun hemm għaġla. Qed nitkellmu dwar katidral storiku u għalhekk m’għandniex għaġla. B’hekk nistgħu nagħmlu xogħol aħjar. Jekk nagħaġlu hemm ir-risku li x-xogħol ma jsirx tajjeb u jiddispjaċina.” Épaud ma jiddejjaqx jistqarr li jibża’ li l-president ta’ Franza Emmanuel Macron dan ma fehmux.

Joe Galea

%d bloggers like this: