Is-Sibt
QARI I
Kristu daħal darba għal dejjem fis-Santwarju bis-saħħa ta’ demmu stess.
Lhud 9, 2-3.11-14
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, fis-santwarju kien hemm tinda, dik ta’ quddiem, li fiha kien hemm il-kandelabru u l-mejda bil-ħobż tal-preżenza quddiem il-Mulej; din it-tinda kienet tissejjaħ “il-Post Qaddis”. Imbagħad, wara t-tieni velu, kien hemm tinda oħra, li kienet tissejjaħ “il-Post il-Qaddis”.
Imma Kristu ġie bħala l-qassis il-kbir tal-ġid li diġà ġie. Hu daħal minn tinda aqwa u aktar perfetta li mhijiex maħduma b’idejn il-bnedmin, jiġifieri mhijiex ħolqien ta’ din l-art; hu daħal darba għal dejjem fis-Santwarju, mhux bis-saħħa tad-demm tal-mogħoż u tal-għoġiela, imma bis-saħħa ta’ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem.
Jekk id-demm tal-mogħoż u tal-gniedes u l-irmied tal-għoġla mraxxax fuq dawk li huma mniġġsa jista’ jqaddishom billi jagħtihom l-indafa tal-ġisem, kemm aktar id-demm ta’ Kristu, li bl-Ispirtu ta’ dejjem offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla, jista’ jnaddaf il-kuxjenza tagħkom mill-għemil mejjet biex taqdu lil Alla ħaj!
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 46 (47), 2-3.6-7.8-9
R/. (6): Tela’ Alla b’għajjat ta’ ferħ
Popli kollha, ċapċpu jdejkom,
għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!
Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,
sultan kbir fuq l-art kollha. R/.
Tela’ Alla b’għajjat ta’ ferħ,
il-Mulej bid-daqq tat-trombi.
Għannu lil Alla, għannu,
għannu lis-sultan tagħna, għannu. R/.
Għax Alla s-sultan tal-art kollha:
għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.
Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,
joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Atti 16, 14b
Hallelujah. R/. Hallelujah
Iftħilna qalbna Mulej
biex nifhmu dak li jgħid Ibnek.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Qrabatu qalu li tilef moħħu.
Mk 3, 20-21
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù mar id-dar, u l-kotra reġgħet inġemgħet, hekk li anqas biss setgħu jieklu. Qrabatu, malli semgħu, ħarġu biex iżommuh, għax qalu li tilef moħħu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu