San Benedittu ta’ Norcia (c. 480–547 AD) huwa meqjus bħala l-Missier tal-Monastiċiżmu tal-Punent. Il-kontribut l-aktar sinifikanti tiegħu huwa r-Regola li kiteb għall-monaċi tiegħu, test li mhux biss iffurma l-ħajja monastika għal aktar minn 1,500 sena, iżda ħalla marka li ma titħassarx fuq iċ-ċiviltà Ewropea. Infatti Benedittu huwa wieħed mill-Qaddisin protetturi tal-Ewropa.

Ir-Regola ta’ San Benedittu mhijiex sempliċement ktieb ta’ liġijiet stretti, iżda manwal ta’ għerf prattiku u spiritwali mfassal biex jiggwida lill-bniedem lejn Alla permezz ta’ ħajja komunitarja bilanċjata. Din ir-Regola hija mibnija fuq l-Iskrittura u l-esperjenza tal-Missirijiet tad-Deżert, u tista’ tinqasam f’diversi pilastri:
Ora et Labora – Talb u Xogħol
Dan huwa l-aktar motto magħruf tal-Benedittini. Benedittu saħaq li l-ħajja tal-monaku għandha tkun maqsuma bejn it-talb liturġiku tal-Uffiċċju Divin u x-xogħol manwali jew intellettwali. Dan il-bilanċ jbiegħed l-għażż u jfittex li jsaħħaħ l-għaqda tal-bniedem ma’ Alla.
Huwa jagħti importanza kbira wkoll lill-qari spiritwali u meditattiv tal-Kelma ta’ Alla, li aktar tard sar magħruf bħala Lectio Divina. Huwa jiddeskrivih bħala l-qari ta’ silta mill-Kotba Mqaddsa, li jsir bil-mod, b’mumenti ta’ skiet għall-meditazzjoni, u taħt forma ta’ talb. Dan il-qari mqaddes, ma jagħmluhx biex jistudjaw il-Bibbja, imma biex jisimgħu lil Alla jitkellem magħhom f’qalbhom. Hija prattika li tgħin lill-bniedem jikber fis-skiet, fit-talb u fil-għaqda ma’ Kristu.
L-Ubbidjenza u l-Umlità
Fil-prologu tar-Regola, Benedittu jistieden lill-monaku biex jisma’ b’widnejn qalbu, il-pariri tal-Imgħallem. L-ubbidjenza lill-Abbati (is-Superjur) hija kkunsidrata bħala triq lejn l-ubbidjenza lil Kristu. L-umlità hija maqsuma fi tnax-il grad, li jwasslu lill-bniedem biex jagħraf il-limitazzjonijiet tiegħu u jfittex li jiddependi għal kollox fuq il-grazzja t’Alla.
Ospitalità
Benedittu jagħti wkoll importanza kbira lill-akkoljenza ta’ kulħadd; lill-mistednin, lill-foqra, u lill-pellegrini, daqslikieku huma Kristu nnifsu.
Stabbiltà
Barra minn hekk, il-monaku jeħtieġlu jimpenja ruħu wkoll li jibqa’ f’monasteru partikolari u ma’ komunità partikolari, biex hemmhekk jista’ jikber spiritwalment.
Struttura tar-Regola
Ir-Regola Benedittina tikkonsisti f’erba’ taqsimiet ewlenin:
Il-Prologu: li huwa stedina spiritwali biex wieħed jimxi wara Kristu.
Kapitli 1-3, li jitrattaw dwar il-Monaku nnifsu u dwar ir-rwol tal-Abbati.
Kapitli 4-7, dwar is-sisien tal-ħajja spiritwali u t-tagħlim fuq l-umlità.
Kapitli 8-73, b’direttivi prattiċi fuq it-talb, fuq l-organizzazzjoni tal-monasteru, fuq il-penitenza, u fuq il-ħajja komuni.
Rilevanza tar-Regola llum
Għalkemm miktuba bosta sekli ilu, ir-Regola ta’ San Benedittu għadha valida fi żmienna wkoll.
Hija tippromwovi mod kif wieħed jgħix ħajja sempliċi, ordnata u għaqlija. Toffri għajnuna spiritwali u prattika mhux biss għall-monaċi jew għal dawk li jgħixu fil-klawsura, iżda hija mfassla wkoll biex tiggwida l-ħajja tan-nisrani lajk fil-familja tiegħu, fuq il-post tax-xogħol fejn jaħdem , u fil-komunità li fiha jgħix.
Ir-Regola ta’ San Benedittu hija sellum ta’ virtujiet li jqarreb lill-bniedem lejn Alla permezz ta’ dixxiplina ta’ kuljum u huwa għalhekk li għadha valida llum ukoll minkejja li għaddew kważi 1,500 sena.
Tista’ ssib traduzzjoni bil-Malti tar-Regola ta’ San Benedittu minn din il-link tal-Laikos …