Il-Ġimgħa
QARI I
Ġarrabtu bis-sabar taqbida ħarxa. Tarmux, mela, il-fiduċja tagħkom.
Lhud 10:32-39
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, ftakru f’dawk l-ewwel jiem: lanqas biss ilħaqtu ddawwaltu bit-tagħlim, li ma ġarrabtux bis-sabar taqbida ħarxa. Lil xi wħud minnkom għamlu minnhom spettaklu bit-tagħjir u ħbit quddiem kulħadd; oħrajn minnkom kellhom jaqsmu fix-xorti ta’ dawk li sabu ruħhom f’dawn il-provi. Għax tassew, intom ħadtu sehem fit-tbatijiet tal-priġunieri, u fraħtu meta serqulkom ġidkom, għax tafu li għandkom ġid akbar li jibqa’ għal dejjem. Tarmux, mela, il-fiduċja tagħkom, għax din iġġib magħha ħlas kbir. Tassew li teħtieġu s-sabar biex tagħmlu r-rieda ta’ Alla u tiksbu dak li hu wiegħed.
Għax ftit ieħor, ftit ħafna, u dak li għandu jiġi ma jdumx ma jiġi. Il-bniedem ġust tiegħi jgħix bil-fidi; imma jekk jerġa’ lura jien ma nitgħaxxaqx bih. Iżda aħna m’aħniex minn dawk li jerġgħu lura, biex nintilfu; aħna minn dawk li jemmnu, biex insalvaw.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 36(37):3-4,5-6,23-24,39-40
R/. (39a): Is-salvazzjoni tal-ġusti mill-Mulej.
Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb;
għammar fl-art, u tgħix b’moħħok mistrieħ;
qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek,
u jagħtik dak li tixtieq qalbek. R/.
Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek,
afda fih, u jagħmel hu.
Hu juri bħad-dawl is-sewwa tiegħek,
u d-dritt tiegħek bħal nofsinhar. R/.
Il-Mulej isaħħaħ il-mixi tal-bniedem,
iwettqu u jitgħaxxaq bi triqtu.
Jekk jaqa’, ma jmurx għal tulu fl-art,
għax il-Mulej iżommlu idu. R/.
Is-salvazzjoni tal-ġusti mill-Mulej;
hu l-kenn tagħhom fi żmien l-għawġ.
Il-Mulej jgħinhom u jeħlishom mill-ħżiena,
isalvahom għax fih jistkennu. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mt 11:25
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Ir-raġel jixħet iż-żerriegħa u jorqod; iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif.
Mk 4:26-34
Qari mill-Evanġelju skond San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-folla: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad il-qamħ mimli fis-sbula. U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad”.
U qal: “Ma’ xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha? Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; imma wara li tinżara’, tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha”.
B’ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-Kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.