L-Erbgħa
QARI I
Il-Mulej iwiddeb lil min iħobb.
Lhud 12:4-7,11-15
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, sa issa fil-ġlieda tagħkom kontra d-dnub, għad ma żammejtux hekk iebes li wasaltu biex xerridtu demmkom. Insejtuha għalkollox il-kelma ta’ twissija li qalilkom ta’ wlied li intom: “Ibni, la twarrabx it-twiddib tal-Mulej, u la taqtax qalbek meta jċanfrek; għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb, jolqot lil kull min jilqa’ b’ibnu”.
Hu għall-edukazzjoni tagħkom li intom qegħdin tbatu! Alla qiegħed jimxi magħkom ta’ wlied. Min hu dak l-iben li missieru ma jwiddbux? Tassew li bħalissa kull twiddiba ma tferraħniex, imma tnikkitna; iżda mbagħad, lil dawk li jkunu tħarrġu biha, hija troddilhom il-frott ta’ ħajja mimlija bis-sliem u l-ġustizzja.
Mela erfgħu l-idejn merħija u l-irkupptejn mitluqa tagħkom, u aqbdu triq dritta għal riġlejkom, biex min hu zopp, ma joħroġx mit-triq, imma jerġa’ jieħu saħħtu.
Fittxu li żżommu s-sliem ma’ kulħadd u li jkollkom il-qdusija, li mingħajrha ħadd ma jara lill-Mulej. Qisu li ħadd fostkom ma jibqa’ lura mill-grazzja ta’ Alla, li ebda għerq ta’ mrar ma jinbet fostkom li jġib it-taħwid u li bih ħafna jitħassru.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 102 (103):1-2,13-14,17-18a
R/. (ara 17): It-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.
Bħalma jħenn il-missier għal uliedu,
hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu.
Għax hu jaf kif aħna magħġuna,
jiftakar li aħna trab. R/.
Imma t-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem
ma’ dawk li għandhom il-biża’ tiegħu,
u s-sewwa tiegħu ma’ wlied uliedhom;
ma’ dawk li jħarsu l-patt tiegħu. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 10:27
Hallelujah. R/. Hallelujah.
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni,
u jiena nagħrafhom, jgħid il-Mulej,
u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu.
Mk 6:1-6
Qari mill-Evanġelju skond San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b’idejh? Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?”. U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih.
Qalilhom Ġesù: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess”. U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom.
Ġesù mar idur l-irħula ta’ dawk l-inħawi jgħallem.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.