Is-Sibt
QARI I
Aħna se nduru fuq il-pagani.
Atti 13:44-52
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Is-Sibt ta’ wara, tista’ tgħid il-belt ta’ Antjokja kollha nġabret biex tisma’ l-kelma tal-Mulej. Il-Lhud, meta raw il-folol, imtlew bl-għira u bdew imieru lil Pawlu u jidgħulu. Imma Pawlu u Barnaba bil-kuraġġ kollu qalu: “Hekk kien meħtieġ, li l-kelma ta’ Alla titħabbar lilkom l-ewwel. Billi intom qegħdin twarrbuha, u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-ħajja ta’ dejjem, aħna se nduru fuq il-pagani. Għax hekk ordnalna l-Mulej: ‘Jien għamiltek dawl tal-ġnus, biex twassal is-salvazzjoni sa truf l-art’”.
Il-pagani, meta semgħu dan, bdew jifirħu u jigglorifikaw il-kelma tal-Mulej, u dawk kollha li kienu magħżula għall-ħajja ta’ dejjem emmnu. Hekk il-Kelma tal-Mulej baqgħet tixtered mal-art kollha. Imma l-Lhud xewxu n-nisa twajba u magħrufa u wkoll il-kbarat tal-belt, u qajmu persekuzzjoni kontra Pawlu u Barnaba u keċċewhom ’il barra minn arthom. Huma farfru għal fuqhom it-trab minn ma’ riġlejhom u marru Ikonju. Iżda d-dixxipli mtlew bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 97(98):1,2-3ab,3ċd-4
R/. (3ċd): L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.
Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu
mal-poplu ta’ Iżrael. R/.
L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 8:31b-32
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi,
tkunu tassew dixxipli tiegħi, jgħid il-Mulej, u tagħrfu l-verità.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Min ra lili ra lill-Missier.
Ġw 14:7-14
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri. Minn issa ’l quddiem tagħrfuh, anzi diġà rajtuh”. Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”. Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli: ‘Urina l-Missier’? Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu. Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess.
Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier. U jekk titolbu xi ħaġa f’ismi jiena nagħmilha, biex il-Missier ikun igglorifikat permezz ta’ Ibnu. Iva, jekk titolbuni xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.