Qari tas-Sibt tat-Tlettax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt

Qari I

Ġakobb ħa post ħuh u seraqlu l-barka li kienet għalih.

Ġen 27, 1-5.15-29

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Meta Iżakk kien xjieħ u għajnejh kienu ċċajprulu tant li ma kienx baqa’ jara, sejjaħ lil ibnu l-kbir Għesaw u qallu: “Ibni”. U dan wieġbu: “Hawn jien”. U kompla jgħidlu: “Hawn jien, xjeħt, u ma nafx meta se mmut. Issa aqbad it-tagħmir tiegħek, il-ħorġa u l-qaws tiegħek, u mur fir-raba’ u aqbadli l-kaċċa; u mbagħad agħmilli ikla tajba kif inħobb jien, u ġibhieli ħalli nikolha u nbierkek qabel ma mmut”.

Rebekka kienet qiegħda tissamma’ meta Iżakk kien qiegħed ikellem lil Għesaw, ibnu. U Għesaw telaq lejn ir-raba’ għall-kaċċa, biex iġib xi ħaġa d-dar.

U Rebekka ħadet l-aħjar ilbies ta’ Għesaw binha l-kbir, li kienu għandha d-dar, u libbsithom lil Ġakobb, binha ż-żgħir. U ksietlu idejh u l-artab ta’ għonqu bil-ġlud tal-gidjien. U hi tat f’idejn Ġakobb, binha, l-ikel tajjeb u l-ħobż.

U hu mar ħdejn missieru u qallu: “Missier”. U dan wieġbu: “Hawn jien. Min inti, ibni?”. U Ġakobb wieġeb lil missieru: “Jiena Għesaw, il-kbir tiegħek. Għamilt kif għedtli. Qum, isa, u kul mill-kaċċa tiegħi, biex imbagħad int tberikni”. U Iżakk qal lil ibnu: “Kif inhi din li sibtha hekk malajr!” U hu wieġbu: “Għax il-Mulej ġabhieli quddiemi”. U Iżakk qal lil Ġakobb: “Ersaq ’l hawn, ħa mmissek, ibni, u nara jekk intix ibni Għesaw jew le”.

U Ġakobb resaq lejn missieru Iżakk u dan messu u qal: “Il-leħen, leħen Ġakobb, imma l-idejn, idejn Għesaw”. U ma għarfux, għax idejh kienu qishom l-idejn muswafa ta’ ħuh Għesaw; u bierku.

U staqsieh: “Inti tassew ibni Għesaw?”. U hu wieġbu: “Jien hu”. U qallu: “Newwilli, mela, ħalli niekol mill-kaċċa ta’ ibni, biex inbierkek”. U newwillu l-ikel, u kiel, u ġieblu l-inbid, u xorob.

U Iżakk missieru qallu: “Ersaq ’l hawn u busni, ibni”. U hu resaq u biesu. Iżakk xammem ir-riħa ta’ lbiesu, u bierku u qallu:

“Ara, riħet ibni,

bħar-riħa ta’ għalqa, imbierka mill-Mulej!

Jagħtik Alla min-nida tas-smewwiet,

u mill-frott tal-art,

kotra ta’ qamħ u nbid.

Lilek għad jaqdu l-ġnus,

u quddiemek imilu l-popli.

Int tkun l-aqwa fost ħutek,

u quddiemek imilu wlied ommok.

Misħut minn jisħtek,

imbierek min ibierkek”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 134 (135), 1-2.3-4.5-6

R/. (3a): Faħħru l-Mulej, għax hu tajjeb!

Faħħru isem il-Mulej,

faħħruh, qaddejja tal-Mulej,

intom li qegħdin f’dar il-Mulej,

fil-wesgħat ta’ madwar it-tempju ta’ Alla tagħna. R/.

Faħħru l-Mulej, għax hu tajjeb,

għannu lil ismu, għax hu sabiħ.

Għax għażel il-Mulej ’il Ġakobb,

lil Iżrael, biex ikun il-poplu tiegħu. R/.

Naf tassew li kbir il-Mulej;

fuq l-allat kollha Alla Sidna.

Kulma jogħġbu l-Mulej jagħmlu fis-smewwiet u fuq l-art,

fil-baħar u f’qiegħ l-ibħra kollha. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 27

Hallelujah. R/. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej

u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Huwa l-mistednin tal-għarus se jsewdu qalbhom sakemm l-għarus ikun għadu magħhom?

Mt 9, 14-17

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien resqu lejn Ġesù id-dixxipli ta’ Ġwanni u qalulu: “Għaliex aħna u l-Fariżej insumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?”. Qalilhom Ġesù: “Huwa l-mistednin tal-għarus se jsewdu qalbhom sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Imma jasal il-jum meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu. Ħadd ma jraqqa’ libsa qadima b’biċċa drapp ġdida, għax inkella r-roqgħa ssellet il-libsa, u t-tiċrita tikber. Anqas ma jqiegħdu l-inbid il-ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella d-damiġġani jinfaqgħu, l-inbid jixtered, u d-damiġġani jintilfu. Iżda nbid ġdid jitfgħuh f’damiġġani ġodda, u hekk iżommu t-tnejn”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: