Is-Sibt
QARI I
Agħżlu llum lil min tridu taqdu.
Ġożwè 24, 14-29
Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè
F’dak iż-żmien, Ġożwè qal lill-poplu: “Għalhekk issa ibżgħu mill-Mulej, u aqduh bir-reqqa u l-fedeltà; warrbu l-allat li missirijietkom qdew lil hemm mix-xmara u fl-Eġittu, u aqdu l-Mulej.
U jekk ma jogħġobkomx taqdu l-Mulej, agħżlu llum lil min tridu taqdu; jekk hux l-allat li kienu jaqdu missirijietkom lil hemm mix-xmara, jew l-allat tal-Amurrin li f’arthom qegħdin tgħammru. Imma jien u dari naqdu l-Mulej”.
U l-poplu kollu wieġeb u qal: “Ma jkun qatt li aħna nħallu l-Mulej biex naqdu allat oħra! Għax kien il-Mulej, Alla tagħna, li talla’ lilna u ’l missirijietna mill-art tal-Eġittu, minn dar il-jasar, u li għamel quddiemna stess dawn il-ħwejjeġ kbar, u ħarisna matul it-triq kollha li minnha għaddejna u fost il-popli li minn ġo nofshom qsamna. U l-Mulej keċċa minn quddiemna l-popli kollha u l-Amurrin li kienu jgħammru fl-art. Għalhekk aħna wkoll lill-Mulej naqdu, għaliex hu Alla tagħna”.
U Ġożwè wieġeb lill-poplu: “Intom ma tifilħux taqdu l-Mulej, għaliex hu Alla qaddis, Alla għajjur; huwa ma jaħfrilkomx dnubietkom u ħtijietkom, għax jekk intom titilqu l-Mulej biex taqdu allat barranin, hu jdur kontra tagħkom, jaħqarkom u jeqridkom, wara li jkun għamlilkom il-ġid”. U l-poplu wieġeb lil Ġożwè: “Le! Għax aħna l-Mulej se naqdu”.
Ġożwè wieġeb lill-poplu: “Kunu xhieda intom għalikom infuskom, li intom għażiltu l-Mulej biex taqdu lilu”. U huma wieġbu: “Nixhdu aħna”. “Mela issa neħħu l-allat barranin li hemm f’nofskom, u dawru qalbkom lejn il-Mulej, Alla ta’ Iżrael!”.
U l-poplu wieġeb lil Ġożwè: “Lill-Mulej, Alla tagħna, naqdu, u leħnu nisimgħu”. Hekk Ġożwè dakinhar għamel patt mal-poplu, u tah il-liġijiet u l-ordnijiet f’Sikem. Ġożwè kiteb dan il-kliem kollu fil-ktieb tal-liġi ta’ Alla, u ħa ġebla kbira, u waqqafha hemm taħt il-balluta li hemm fis-santwarju tal-Mulej. U Ġożwè qal lill-poplu kollu: “Araw! Din il-ġebla tkun għalina xhieda, għax hi semgħet il-kliem kollu tal-Mulej li qalilna u tkun għalikom xhieda li ma tiċħdux lil Alla tagħkom”. U Ġożwè bagħat lill-poplu, lil kulħadd fl-art tiegħu.
Wara dawn il-ġrajja miet Ġożwè bin Nun, qaddej tal-Mulej, fl-għomor ta’ mija u għaxar snin.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 15 (16), 1-2a u 5.7-8.11
R/. (ara 5a): Mulej, inti s-sehem ta’ wirti
Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.
Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi”.
Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,
inti żżomm f’idejk xortija. R/.
Imbierek lill-Mulej li tani l-fehma;
imqar billejl qalbi tgħallimni.
Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi,
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.
Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mt 11, 25
Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Mt 19, 13-15
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, ressqu quddiem Ġesù xi tfal żgħar biex iqiegħed idejh fuqhom u jitlob għalihom. Iżda d-dixxipli qabdu jgħajtu magħhom. U Ġesù qalilhom: “Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u la żżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”. Imbagħad qiegħed idejh fuqhom u telaq minn hemm.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu