Qari tal-Ħamis tat-Tnejn u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis

Qari I

Ħelisna mill-ħakma tad-dlam, u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub.

Kol 1, 9-14

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

Ħuti, aħna wkoll, mindu smajna bikom, ma hedejniex nitolbu għalikom, u nibqgħu nitolbu li tagħrfu sewwa r-rieda ta’ Alla bl-għerf kollu u d-dehen spiritwali. Hekk tkunu tistgħu tgħixu sewwa kif jixraq lill-Mulej u togħġbuh f’kollox bil-frott ta’ kull opra tajba, u tikbru fl-għarfien ta’ Alla, titwettqu bil-qawwa kollha li tiġi mill-qawwa tal-glorja tiegħu, biex tkunu tifilħu ġġarrbu kollox bis-sabar.

Ifirħu u roddu ħajr lill-Missier, li għamilkom denji li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl. Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub, li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 97 (98), 2-3ab.3ċd-4.5-6

R/. (2a): Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tieba u l-fedeltà tiegħu mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,

rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

Għannu lill-Mulej biċ-ċetra,

biċ-ċetra u bil-ħlewwa tal-għana,

bit-trombi u bid-daqq tat-trumbetti;

għajtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan! R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 4, 19

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejjew warajja, jgħid il-Mulej

u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Telqu kollox u marru warajh.

Lq 5, 1-11

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba l-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa.

Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”. Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.

Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb”. Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies”.

Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: