Qari tat-Tnejn tat-Tlieta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn

Qari I

Sirt ministru tal-Knisja biex inxandar b’mod sħiħ il-misteru li kien moħbi sa miż-żminijiet.

Kol 1, 24 – 2, 3

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

Ħuti, jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja. Tagħha jiena sirt ministru, skont ma tani nagħmel Alla għalikom, jiġifieri li nxandar b’mod sħiħ il-Kelma ta’ Alla, il-misteru li kien moħbi sa miż-żminijiet u l-ġenerazzjonijiet kollha, u li issa hu mgħarraf lill-qaddisin tiegħu, lil dawk li Alla ried jgħarrafhom kemm huwa kbir l-għana tal-glorja ta’ dan il-misteru fost il-pagani, li hu Kristu fikom, it-tama tal-glorja tagħkom.

Lilu aħna nħabbru lill-bnedmin kollha, u nwissu u ngħallmu lil kulħadd bl-għerf kollu biex inwasslu lil kull bniedem għall-perfezzjoni fi Kristu. Għalhekk jiena nitħabat u nissielet bis-saħħa tiegħu, li tinsab taħdem fija bil-qawwa kollha tiegħu.

Irridkom tkunu tafu kemm kelli nissielet minħabba fikom u minħabba f’dawk li joqogħdu f’Laodiċija u oħrajn li qatt ma raw wiċċi b’għajnejhom. Dan nagħmlu biex inqawwilhom qalbhom u jinġabru lkoll flimkien fl-imħabba, ħalli jaslu għall-għana tal-fehma sħiħa u l-għarfien tal-misteru ta’ Alla li hu Kristu. Fih hemm moħbija t-teżori kollha tal-għerf u l-għaqal.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 61 (62), 6-7.9

R/. (8a): F’Alla s-salvazzjoni u l-ġieħ tiegħi

F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi,

għax mingħandu tiġini t-tama.

Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi,

hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni. R/.

Ittama fih f’kull żmien, o poplu;

iftħu qalbkom quddiemu.

Alla hu kenn għalina! R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 27

Hallelujah. R/. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej

u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Kienu moħħhom fih biex jaraw jekk ifejjaqx f’jum is-Sibt.

Lq 6, 6-11

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’jum is-Sibt Ġesù daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. Kien hemm raġel li kellu idu l-leminija niexfa. Il-kittieba u l-Fariżej kienu moħħhom fih biex jaraw jekk ifejjaqx f’jum is-Sibt, ħalli b’hekk isibu fuqiex jixluh.

Iżda hu għaraf ħsibijiethom, u qal lir-raġel li kellu idu niexfa: “Qum, u oħroġ fin-nofs!”. Dak qam u ħareġ fin-nofs. U qalilhom Ġesù: “Ħa nistaqsikom ħaġa: X’jiswa nhar ta’ Sibt, tagħmel il-ġid jew tagħmel id-deni? Issalva ħajja jew teqridha?”. U xeħet ħarsa madwaru fuqhom ilkoll, u qal lir-raġel: “Midd idek!”. Hekk għamel dak, u idu reġgħet saritlu qawwija u sħiħa.

Iżda huma xegħlu bil-korla, u bdew jiddiskutu bejniethom x’se jagħmlu b’Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: