Qari tat-Tlieta u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Qari I

Jekk ma twiddibx lill-midneb, demmu nfittxu minn idejk.
Eżek 33, 7-9

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Dan jgħid il-Mulej: “Lilek, o bniedem, qegħedtek għassies ta’ dar Iżrael. Meta tisma’ minn fommi xi kelma, għandek twiddibhom f’ismi. Jekk jien ngħid lill-midneb: “Int tmut żgur,” u int ma tkellmux u ma twiddbux biex jitlaq triqtu, hu, il-midneb, imut fi ħżunitu, imma demmu nfittxu minn idejk.

Imma jekk inti twiddeb il-midneb dwar triqtu biex jerġa’ lura minnha u ma jerġax, hu jmut fi dnubu, imma int tkun salvajt ħajtek”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 94 (95), 1-2.6-7.8-9

R/. (8): Isimgħu leħen il-Mulej u la twebbsux qalbkom

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’ ferħ. R/.

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.

Mhux li kontu illum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt”. R/.

QARI II
L-imħabba hija l-milja tal-liġi.
Rum 13, 8-10

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin. Kull min iħobb ikun iħares il-bqija tal-Liġi. Għax il-kmandamenti: “La tagħmilx adulterju, la toqtolx, la tisraqx, la tkunx rgħib”, u kull preċett ieħor, hu liema hu, kollha jinġabru f’kelma waħda: “Ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”. L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
2 Kor 5, 19

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,
u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt ’il ħuk.
Mt 18, 15-20

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan jew pubblikan.

Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema. Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading