Il-Papa Franġisku bagħat ittra lill-Kardinal Juan de la Caridad Garcia Rodriguez ta’ San Cristobal de La Habana, lill-Isqfijiet u lill-Poplu ta’ Alla ta’ Kuba. Huwa wassal il-barkiet u l-qrubija tiegħu mal-Knisja Kubana, hekk kif qed jiċċelebraw il-25 anniversarju mill-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa San Ġwanni Pawlu II fil-pajjiż, fil-21-25 ta’ Jannar 1998.
Il-messaġġ kien mibgħut mal-Kardinal Beniamino Stella, Prefett Emeritus tal-eks Kongregazzjoni għall-Kleru, li dak iż-żmien kien in-Nunzju Appostoliku għal Kuba, u li ġie mistieden għaċ-ċelebrazzjonijiet.
Filwaqt li fakkar fil-kliem indirizzat minn San Ġwanni Pawlu II liż-żgħażagħ ta’ Kuba fit-23 ta’ Jannar 1998, il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-fidili Kubani jkomplu jibnu l-futur tan-nazzjon tagħhom “b’tama u determinazzjoni”. Huwa ħeġġiġhom biex jerġgħu lura għall-“għeruq Insara” u l-identità tagħhom, ħalli “jibnu futur ta’ dinjità u libertà dejjem akbar”. Il-Qdusija Tiegħu nnota li dawk l-għeruq “kibru u ffjorixxew” fix-xhieda ta’ ħafna Kubani li jaħdmu kuljum għall-oħrajn, “speċjalment għal dawk l-aktar fil-bżonn”.
Il-Papa mbagħad irringrazzja lill-poplu Kuban għall-“eżempju ta’ kollaborazzjoni u għajnuna reċiproka” li jgħaqqduhom u juru l-ispirtu li jikkaratterizza lill-poplu Kuban: “ftuħ, ospitalità u appoġġ”.
“Ibqgħu mexjin flimkien fit-tama, kunu afu li dejjem, speċjalment f’nofs id-diffikultajiet u t-tbatija, Ġesù u l-Omm Qaddisa jakkumpanjawkom, jgħinukom iġorru s-salib u jikkonslawkom bil-ferħ tal-qawmien.”
Filwaqt li semma lill-Qaddej ta’ Alla Felix Varela Morales, saċerdot u filosfu Kuban, bħala xhieda “li niżel fl-għeruq tat-tjubija u l-frott ta’ dan l-isforz”. Il-Papa Franġisku temm l-ittra tiegħu billi stieden lill-poplu Kuban biex ikompli “jmur aktar fil-fond” fl-għeruq tiegħu “b’kuraġġ u responsabbiltà”, u biex jagħtu l-frott tagħhom “magħqudin fil-fidi, fit-tama, u fl-imħabba”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-01/pope-to-cubans-continue-walking-together-in-faithful-hope.html