Il-Papa Franġisku: “Is-saħħa mhux lussu”

Print Friendly, PDF & Email

“Dinja li tarmi l-morda, li ma tassistix lil dawk li ma jaffordjawx il-kura, hija ċinika u m’għandhiex futur.” Hekk saħaq il-Papa Franġisku nhar it-Tnejn, meta ltaqa’ ma’ membri tal-Federazzjoni Nazzjonali Taljana tar-Radjografi u tal-Professjonijiet Tekniċi ta’ Rijabilitazzjoni Medika u Prevenzjoni.

Fl-indirizz tiegħu, l-Papa rringrazzja lit-teknoloġisti tal-kura tas-saħħa, flimkien ma’ ħaddiema oħra fil-qasam tas-saħħa, għall-“impenn u d-dedikazzjoni” tagħhom. Huwa nnota li mingħajr ix-xogħol iebes tagħhom matul il-pandemija tal-Covid-19, ħafna nies morda ma kinux jiġu kkurati fl-aħħar tliet snin.

B’ħarsa ‘l quddiem lejn il-Jum Dinji tal-Morda li se jiġi ossevat fil-11 ta’ Frar, il-Papa Franġisku qal li l-okkorrenza toffri opportunità biex wieħed jirrifletti fuq l-esperjenza tal-mard, li, qal, “hija iktar xierqa llum, anzi meħtieġa, għax ħafna drabi, ‘l-kultura tal-effiċjenza u l-ħela timbottana biex niċħduha’.” Irrimarka li l-kultura tal-ħarsien topera bil-maqlub, billi tiffoka fuq is-Samaritan it-Tajjeb li għandna nsegwu l-eżempju tiegħu.

“Il-parabbola (tas-Samaritan it-Tajjeb) turina kif komunità tista’ tinbena mill-ġdid mill-bnedmin li jidentifikaw mal-vulnerabbiltà ta’ ħaddieħor, li jiċħdu l-ħolqien ta’ soċjeta ta’ esklużjoni, u minflok jaġixxu bħala ġirien, li jgħollu u jirrijabilitaw il-waqa għal ġid komuni”.

Il-Papa Franġisku kompla jenfasizza d-dimensjoni umana tal-kura tas-saħħa. Huwa faħħar lit-teknoloġisti Taljani tal-kura tas-saħħa talli poġġew il-persuna umana fid-dimensjonijiet kollha tagħha (fiżiċi, mentali u spiritwali) fiċ-ċentru tax-xogħol tagħhom, u ma ċedewx “għall-effiċjenza sterili jew għal applikazzjoni kiesħa tal-protokolli.”

“Il-morda huma nies li jitolbu li jiġu ttrattati u li jħossuhom ikkurati, u għal din ir-raġuni huwa mportanti li tirrelataw magħhom b’umanità u empatija”, saħaq il-Papa. Fakkar ukoll li l-professjonisti tal-kura tas-saħħa huma wkoll nies li għandhom bżonn “lil xi ħadd li jieħu ħsiebhom”, billi jagħrfu s-servizz tagħhom, jipproteġu l-kundizzjoni xierqa tax-xogħol, u jimpenjaw numru adegwat ta’ ħaddiem fil-kura tas-saħħa.

B’hekk il-Papa tenna l-appell tiegħu lin-Nazzjonijiet biex isibu “strateġija u riżorsi” sabiex jiggarantixxu d-dritt fundamentali ta’ kulħadd għal kura tas-saħħa bażika u diċenti, kif mitlub fil-Messaġġ tiegħu għall-XXXI Jum Dinji tal-Morda. L-Qdusija Tiegħu saħaq: “is-saħħa mhijiex lussu!”

Fi tmiem l-indirizz tiegħu, l-Papa Franġisku ħeġġeġ lit-teknoloġisti Taljana tal-kura tas-saħħa biex “dejjem iħarsu lejn il-valuri etiċi bħala referenza indispensabbli” għall-professjonijiet tagħhom. Huwa qal, “jekk assimilati sew u magħquda mal-għarfien xjentifiku u l-ħiliet meħtieġa, l-valuri etiċi jippermettulkom takkumpanjaw lill-persuni fdati lilkom bl-aħjar mod possibbli”.  

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-01/pope-francis-health-is-not-a-luxury.html

%d bloggers like this: