Nistgħu ngħidu li kull reliġjon fid-dinja temmen li s-sawm għandu l-valur tiegħu fil-ħajja spiritwali tal-bniedem, għaliex iċ-ċaħda minn dawk l-affarijiet li jogħġbu lin-natura tagħna, u l-kontroll fuq l-aptiti u l-passjonijiet tagħna, tibni lill-bniedem, u tagħmlu aktar matur u b’saħħtu.

Missio Malta ta’ Frar 2023
Matul ix-xahar ta’ Frar tista’ taqra aktar dwar dan fl-editorjal tal-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun ser jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin. F’artiklu minnhom niltaqgħu ma’ Alassane, ġuvni Senegaliż li ġie milqugħ f’familja sabiex jitrabba magħhom wara l-vjaġġ twil lejn il-Libja u fuq il-Baħar Mediterran. F’artiklu ieħor inkomplu naqraw dwar il-ħidma Evanġelika ta’ Marija Santissima bħala missjunarja, fejn din id-darba nsiru nafu dwar id-dehriet f’Ceranesi, Ġenova, l-Italja u f’Trois-Epis, f’Alsace, fi Franza, rispettivament.
Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.
