`Ħenjin dawk li ma jarawx u xorta jemmnu’ Ġwanni 20,29.
Minn David Rossi
Fiż-żmien qasir tiegħu fostna, Gilbert Simiana (1982 – 1998) uriena x` inhu l- aktar importanti fil-ħajja tagħna. B` ħarstu dejjem `il fuq speċjalment fit-tbatija, dan iż-żagħżugħ għaraf li l-iskop tal–preżenza tiegħu fuq din l-art huwa l-privileġġ li jimxi wara Ġesu` Kristu billi jwettaq ir-rieda Divina. Ix-xewqa tiegħu infatti kienet miċ-ċokon li jitrawwem mal-Mulej u li jmut mingħajr dnub sabiex jigi milqugħ fis-sema pajjiżu. Tul il-mard tiegħu kien joffri s-sofferenzi ghall-ħidma tal-Papa Ġwanni Pawlu II speċjalment ghall-vjaġġ tal-Papa lejn Kuba, hekk kif kien jagħmel pass ieħor lejn il-Ħallieq li tant ħaddan b`imħabba sinċiera`, reali u profonda.
In-Nunzju Appostoliku ta` dak iż-żmien, Monsinjur Josè Sebastian Laboa ra f‘ Gilbert lil San Domenico Savio ta` Malta bi` grandissima spiritualita` u qal waqt il-quddiesa tal – partenza kemm gid spiritwali kien qed iseħħ permezz ta` dan il-qaddej t` Alla li għaraf jagħżel l-aħjar triq, kif ġie mrawwem tant tajjeb mill-ġenituri u mill-għaqda tal-Qaddis Malti San Ġorġ Preca. Oħtu Loraine li hija seba` snin akbar u kienet qrib tiegħu emozjonalment u rejalment stqarret il-konvinzjoni ta` ħuha lejn it-twemmien nisrani miċ-ċokon u kif dan kollu pprepara ruħ ċkejkna għall-ħajja eterna.
Bħala student fil-Kulleġġ ta‘ San Alwiġi Gilbert kien jaqdi d-dmirijiet tiegħu bħal kull student ieħor, iżda meta reġgħet tfaċċatlu l-marda huwa resaq aktar lejn Alla għaliex ħassu ppreferut minn oħrajn li jġorr f` ġismu xewka waħda mill-kuruna tal-passjoni ta` Ġesu`. Tul ħajtu għex il-virtujiet tal-qaddisin b` tant ħrara u żelu. Il-Purita`, l-ubbidjenza u l-altruiżmu kienu jfissru ħbiberija mal-Mulej u mal-ħolqien tiegħu. Kien jaqsam ħobzu ma ` min ma kellux jiekol u jgħaddi l-ħin tal-break ma` tifel maqtugħ għalih sabiex jagħmillu kuraġġ hekk kif kien qed jirkupra minn operazzjoni serja.
Kien jitlob ta`kuljum l-Arloġġ Mużewmin u l-ħmistax il-posta tar-Rużarju Mqaddes. Kien jikkoreġi lil min jidgħi u b`ispirtu ferħan jilbes il-badge tal-Mużew Il-Verbum Dei b` sinjal ta` fedelta` u qima lejn dak li huwa veru. Il-Mużew kien ifisser ħafna għalih u għalkemm nofsu pparaliżżat, xorta waħda baqa’ jattendi u qal lil oħtu fl-aħħar ftit jiem li meta jmur minn hawn se jkollhom iżidu s-siġġijiet, anke b` referenza għall-attendenza kbira li kien hemm speċjalment fil-quddiesa tal-anniversarju tal-25 sena mill-mewt tiegħu li seħħet fil-Knisja ta` San Pawl ir-Rabat ftit jiem ilu.
Il-qari tal-Bibbja kienet ukoll drawwa sabiħa f` dan it-tfajjel dedikat li anki l-Papa Ġwanni Pawlu II ra eżempju ħaj fih. Tant huwa hekk li fuq xewqa tal-Qdusija Tiegħu, Gilbert u l-familja ġew mistednin għall-laqgħa privata ġewwa l-Vatikan fid-9 ta` Settembru 1997. Hemm il-Papa bierku, ħaddnu miegħu, bieslu rasu u afferma li huwa tifel speċjali ħafna għal Ġesu. Għal Gilbert il-Papa kien eroj għax ħass li Ġesu` ħalla l-preżenza rejali tiegħu fih biex imexxi l-Knisja. Minn naħa tiegħu, l-Papa għaraf il-virtujiet fih u meta kien Malta għall-Beatifikazzjoni ta` Dun Ġorg Preca, huwa personalment ħeġġeġ sabiex iseħħ ukoll dik taż-żagħżugħ Malti. Huwa wkoll magħruf li ġimgħatejn qabel ma` miet, il-Papa Ġwanni Pawlu II fakkar lil ta` madwaru biex ma jinsewx il-kawża ta‘ Gilbert Simiana.
Skond il-Papa, Ġesu kien għażlu għall-missjoni partikolari. Fil-fatt, kif tilef id-dawl ta` għajnejh fl-aħħar ta` ħajtu, Gilbert stqarr li hekk kif Ġesu` kien bata, huwa wkoll ried isofri u joffri dak kollu li kien għaddej minnu għall-ħtiġijiet tal-Mexxej tal-Knisja.
Bħal Carlo Acutis, Chiara Badano, Sandra Sabattini u tant oħrajn, Gilbert Simiana huwa xhieda w ispirazzjoni għal dawk li qegħdin ifittxu sens fil-ħajja tagħhom. Fi kliemu huwa jħeġġiġna sabiex nersqu lejn il-għajn tal-ħajja minn fejn jiġi ilma ġieri li jfejjaq u jdewwi l-ġrieħi tagħna. Kien ta` sikwit jgħid ` Inħalli lil Ġesu` jitkellem permezz tiegħi ħalli nkun ta` eżempju tajjeb għal kulħadd’ u wkoll `Inħalli f` idejn Ġesu` għaliex huwa l-akbar u l-aqwa ħabib’.
Wara l-mewt tiegħu, Gilbert kien midfun fiċ-ċimiterju tar-Rabat minn fejn ġie trasferit għal dak ta` Ħad-Dingli. Huwa tajjeb li aħna nitolbu l-interċessjoni ta` ruh qaddisa sabiex lkoll niskopru it-triq waħdanija lejn il-Ġenna pajjiżna. Gilbert kien jgħid `Jien ngħix bil-kalma u l-paċenzja nilqa s-sofferenzi bl-imħabba sakemm jasal il-mument li mmur Ħdejh’. U fil-verita hekk għamel, wara li ġarr il-piż li tah Ġesu` ma ddisprax, anzi ħaddan dan kollu b` ferħ ` Inġorr is-salib tiegħi b` ferħ kbir għax Alla lili ppreferieni u għażel lili biex nurih kemm inħobbu‘.

Għal dan iż-żmien ta` sfida, fejn donnu kollox jidher mudlam, nies bħal Gilbert huma xrara ta` fidi u tama. Huwa tajjeb nsiru nafu dwar kif dan iż-żagħżugħ għex ħajtu fi zminijietna, sabiex ukoll nwettqu l-eżempju tajjeb tiegħu għall-ġid tagħna u ta` madwarna. Ejjew bħal Gilbert inħobbu l-Knisja li aħna lkoll niffurmaw parti minnha. Ejjew nfittxu s-sewwa u nersqu lejn minn Ħalaqna biex ngħixu miegħu għal dejjem minn issa. Bħal dan iż-żagħżugħ ejjew inżommu qalbna safja w innisslu ferħ spiritwali kull fejn inkunu. Ejja ma nistħux inkunu xhieda ta‘ Kristu u ta‘ eżempju tajjeb b’valuri sodi anke mat-tfal tagħna. Gilbert stqarr `Jiġri x` jiġri jiena nibqa nagħżel lil Ġesu` ħalli nibqa ngħix dejjem miegħu. `Ġesu lili jħobbni b` mod abbundanti u naf li qatt ma jħallini waħdi.’ X` Fidi!