Il-Ġimgħa, 12 ta’ Mejju 2023: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fl-Ordinazzjoni Presbiterali tad-Djaknu Matthew Bajada. Katidral tal-Assunta, Victoria.
Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Illejla qegħdin nassistu għal xi ħaġa speċjali, sabiħa ħafna, kbira. Nixtieq nibda din ir-riflessjoni tiegħi billi nagħmel mistoqsija, li nħoss li tgħodd għalina lkoll: Liema naħsbu li hija l-ikbar marda illi l-bniedem tal-lum jista’ jsib ruħu fiha? Jew aħjar, liema naħsbu li hija l-ikbar u l-iktar marda li tista’ tittieħed, u li ħafna drabi lkoll kemm aħna ngħaddu minnha? Tgħidulix l-influwenza, l-uġigħ ta’ ras, l-indiġestjoni. Naħseb li taqblu miegħi li l-ikbar marda li l-bniedem jista’ jgħaddi minnha, u b’xorti ħażina, ħafna ngħaddu minnha, hija l-marda tal-egoiżmu: l-ewwel jien, imbagħad jien, imbagħad jien, imbagħad jekk jibqa’ jiena wkoll. Naħseb li kollha kemm aħna ngħixu u nħossu l-konsegwenzi koroh u ħżiena ta’ din il-marda tal-egoiżmu. Araw x’jiġri, ngħidu aħna, f’familja fejn tonqos il-ġustizzja, u xi ħadd fost l-aħwa jkun irid jaħtaf, jakkwista u jikseb iktar mill-oħrajn. Araw x’jiġri meta fuq ix-xogħol il-post ma jiħdux min tassew ħaqqu, imma min jipprova jxaħħam; min jipprova jinqeda mhux b’kemm jaf, imma b’min jaf; min jipprova jasal billi jitla’ minn fuq spallejn u dahar ħaddieħor. X’konsegwenzi koroh ikollna fis-soċjetà, fil-familja, meta nħallu l-egoiżmu jagħmel bina! M’hemmx għalfejn inkompli nġib l-eżempji, għax naħseb li kull wieħed u kull waħda minna hawnhekk nistgħu noħorġu mill-but l-eżempju tagħna. Kull wieħed u kull waħda minna għandu l-eżempju tiegħu meta nfittex l-ewwel li nkun sew jien u naħseb biss f’dak li jaqbilli.
Għalfejn tlaqt proprju minn din is-sitwazzjoni li ngħixu kontinwament fil-familji tagħna, fuq il-postijiet tax-xogħol, fil-parroċċi tagħna, fl-irħula tagħna? Għalfejn din il-marda mhix marda li qiegħda biss f’kategorija ta’ nies, bħal ngħidu aħna f’dawk li ma jafux skola, jew f’dawk li jafu l-iskola, jew f’dawk li m’għandhomx flus, jew bil-maqlub, f’dawk li għandhom il-flus? Għalfejn din il-marda hi l-marda ta’ kulħadd, li tista’ tittieħed iżjed mill-Covid (għax issa nsejnieha l-Covid)? Għax meta nibda nħares lejn dak u lejn dik, u ngħid: ‘Dak mhux li qabillu għamel! Jien għalfejn għandi noqgħod nitbażwar? Għalfejn għandi noqgħod inbati, jekk dak fis-7.00am daħal għax-xogħol u fit-8.00am mar id-dar? Għalfejn jien għandi…’, mingħajr ma nindunaw din il-marda tal-egoiżmu tittieħed minn wieħed għal ieħor, iktar minn tebgħa taż-żejt.
Għalhekk hemm bżonnu s-saċerdot! Veru li lanqas aħna s-saċerdoti m’aħna meħlusin minn din il-marda, m’għandna l-ebda vaċċin li lilna jista’ b’xi mod jeħlisna milli xi darba jew oħra naqgħu fiha. Għażiż Matthew, aħna msejħin speċifikament biex immorru bil-kontra ta’ din l-attitudni, bil-kontra ta’ din id-drawwa, ta’ dan il-mod ta’ kif timxi s-soċjetà. X’jiġifieri mmorru bil-kontra? Il-Qari tal-lum (Ġer 1:4-10; 1 Piet 5:1-4; Ġw 15:12-17) sabiħ immens – nistgħu nagħmlu sigħat u sigħat nirriflettu u nitolbu fuqu. Ħa nipprova nsemmi xi punti żgħar li jistgħu jgħinuna għall-okkażjoni tal-lejla.
Alla jħobbna bi mħabba kbira… minn hawn irridu nitilqu. Anki l-fatt biss li qegħdin hawn, imqar jekk forsi hawn min hu mdejjaq fostna, anki jekk hawn min hu marid fostna, anki jekk forsi hawn min hu ppreokkupat, forsi b’xi biċċa nkwiet li ħalla d-dar jew li se jsib xħin imur, forsi xi preokkupazzjoni li ttaqqlu minħabba problema ta’ relazzjonijiet… anki jekk hu hekk, il-fatt li qegħdin hawn, neżistu, ħajjin, xi grazzja, x’don! Hija dimostrazzjoni, wirja, sinjal ta’ kemm iħobbna Alla, tal-imħabba ta’ Alla għalina. Dan Alla mhux biss ħabbna billi jżommna ħajjin, billi ħalaqna, imma ħabbna billi ħallielna kelma, b’mod speċjali dik li smajna llum, li trid issammrilna ġo rasna, ittambrilna u terġa’ ttambrilna ġo rasna, li Alla lilna jħobbna bi mħabba tal-ġenn.
“Ħobbu lil xulxin”, qalilna Ġesù, imma ma waqafx hemm, “kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15:12). Hawn jinbidel kollox: “Kif ħabbejtkom jien”. Kif ħabbna hu? “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (v. 13). Kemm hi sabiħa! Tiswa, iġġegħelna nbatu aħna jekk nippruvaw inwettquha. Mhux aħna s-saċerdoti biss, imma lkoll kemm aħna. Hawn qiegħda l-verità, hawn qiegħda l-awtentiċità tal-ħajja ta’ kull bniedem: kemm jien kapaċi nagħti ħajti, biex l-ieħor biex ta’ maġenbi jkun sew; biex l-oħra ta’ maġenbi tkun kuntenta? Kemm jien kapaċi nagħti mill-enerġija tiegħi, mid-disponibbiltà, mis-saħħa, mill-intelliġenza tiegħi għall-persuna li hemm maġenbi? Hawn hu l-ferħ. Dan kollu jmur bil-maqlub ta’ dak li qed tgħallimna d-dinja, ta’ dak li b’xorti ħażina qegħdin fih: ‘Aħseb għal rasek! Fittex l-ewwel butek! Toqgħodx tara lil min se tweġġa’! Imxi bir-rieda tiegħek, bil-mod ta’ kif taħseb li int l-aħjar! Tagħtix kas madwarek, tagħtix kas l-oħrajn, kulħadd jaħseb għalih innifsu!’. Ġesù jgħallimna bil-maqlub: ma jaħsibx għalih innifsu, le, imma li nħobbu lil xulxin kif ħabbna hu.
Ikompli l-Vanġelu: “Sejjaħtilkom ħbieb” (v. 15). Għaliex sejħilna ħbieb? Għax ħabbna b’din l-imħabba. Għax dan hu l-mod ta’ kif iħobbna. Sejjaħtilkom ħbieb, għax għidtilkom il-Kelma tiegħi, “għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom”. Liema hi din il-Kelma li sema’ mingħand Missieru, jekk mhux dik li jħobb! Il-Kelma li sema’ mingħand Missieru Ġesù liema hi, jekk mhux dik li jagħti ħajtu għall-bniedem, għalina, għal dawk li jħobb? Din il-Kelma għaddieha lilna, lilna s-saċerdoti b’mod speċjali; u qed jgħaddiha lilek illejla, Matthew; din il-kelma li aħna rridu nħobbu lil xulxin kif iħobbna hu billi nagħtu tassew lilna nfusna.
Kelma forsi li tbeżżagħna ftit, Kelma li forsi toħloq fina r-reazzjoni tal-Profeta Ġeremija fl-Ewwel Qari: “Ma nafx nitkellem, għadni żgħir” (1:6). Serrħu raskom li kull meta nħossu fina din l-inkapaċità, din l-inadegwatezza, hija konferma li l-Mulej qiegħed isejħilna, li mhix proġett tagħna, mhix idea tagħna din, mhix xi ħaġa li vvintajna jew li rridu aħna, għax hi wisq ikbar u ogħla minna. Allura, kull darba li nħoss l-inkapaċità tiegħi quddiem sejħa bħal din – ‘ħobb lil ħuk kif ħabbejtek jien; issallab għalih’ – kull meta ma nħossnix kapaċi; Matthew, kull darba li tħossha din, iċċelebra s-sejħa b’xejn li Alla qiegħed jagħmillek u mhux il-proġett tiegħek, mhux ir-rieda tiegħek. Għax forsi li kien għar-rieda tiegħek, kont taħrabha, kont titbiegħed minnha, bħalma l-Profeta Ġeremija kien jaħrab u jitlaq.
Imma Alla qiegħed hemm preżenti, u lill-Profeta Ġeremija jgħidlu: “Inti tmur kull fejn nibagħtek” (v. 7). Mhux fejn tixtieq int, imma fejn nibagħtek. Forsi kultant, anki jien inkun nixtieq noqgħod fuq is-sufan, nara xi ftit televiżjoni jew inqalleb ftit fit-tablet. Mhux dejjem ikolli aptit, kif inkunu lkoll kemma aħna; mhux dejjem ikollna aptit immorru fejn jibgħatna. Ħafna drabi nirreżistulu lill-Mulej, kif għamel Ġeremija: “Int tmur kull fejn nibagħtek, u tgħid kulma nordnalek. La tibżax minnhom” (vv. 7-8), qallu lil Ġeremija l-Profeta. Fi kliem ieħor, ħa jkollok fiduċja fik innifsek. ‘Tibżax minnhom’ ifisser afda fik innifsek, afda fil-fatt li jien se nagħtik il-kapaċità, id-don tiegħi biex int taffaċċjahom. Kemm ngħixuha din aħna! Kemm ngħixuha din fil-ħajja tagħna, l-ewwel wieħed jien! Nibża’ naffaċċja persuna jew persuni, mhux għax ma nħobbx lil Ġesù, imma għax inħossni li m’iniex kapaċi, għax inħoss li forsi dak se jidħak bija, jew se jgħidu bija, jew li mhux se jaċċettawni. Lil Ġeremija jgħidlu: “La tibżax minnhom” (v. 8). Iktar tard jgħidlu: “La tibżax minnhom, għax inkella nbeżżgħek jien quddiemhom” (v. 17). Hekk jiġri, jekk nibżgħu minnhom, jekk nibżgħu minn dawk li nistgħu naħsbu li ma jaċċettawniex, jew ma jilqgħuniex; il-Mulej ibeżżagħna minnhom. Hu qed jitlobna nagħmlu att ta’ kuraġġ. Alla jkompli jkellem lill-Profeta Ġeremija u jgħidlu: “Ara, qegħedtlek kliemi fuq fommok” (v. 9). Kemm hi sabiħa! Mhix il-kelma tagħna, imma Alla jpoġġi l-Kelma tiegħu fuq fommna.
Allura bilfors Ġesù, fil-Vanġelu, ikompli jgħid: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom” (Ġw 15:16). Kemm jagħmel sens dan il-Vanġelu! Mhux aħna għażilna lilu. Tgħidli: ‘Mhux jien ridt li nidħol is-Seminarju? Mhux jien iddeċidejt li nistudja? Mhux jien ma mortx l-Università? Forsi stajt naqbad professjoni oħra bħal kulħadd’. Mhux jien! Mhux int! Mhux aħna! Aħna rrispondejna għas-sejħa li għamlilna Alla. Tgħiduli: ‘Kif ġiet din is-sejħa? Deherlek xi anġlu? Deherlek xi ħadd u qallek?’. Le, kieku ġara hekk kont ninkwieta. Imma mhux hekk jiġri… Il-Mulej tak id-don ta’ familja li għandha l-valuri tal-fidi. Poġġiek f’parroċċa fejn hemm komunità li setgħet issostnik. Laqqgħek ma’ nies li lilek u lilna lkoll, b’xi mod jew ieħor għenuna nifhmu l-proposta, l-istedina ta’ Ġesù.
Din hi l-proposta tal-lejla: il-mard tal-egoiżmu u l-proposta tal-imħabba. Int weġibt għal din il-proposta. Bir-raġun Ġesù jgħid: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom” (v. 16). Intom stajtu tgħidu ‘iva’ jew stajtu tgħidu ‘le’. “Ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott” (v. 16). Hija garanzija din għalina; hija garanzija li la tabib m’għandu, la avukat m’għandu, la accountant m’għandu, la min hu fin-negozju m’għandu… l-ebda professjoni oħra ma għandha. Aħna, anki jekk mingħalina fallejna fil-missjoni tagħna, skont il-kliem tal-Evanġelju ta’ Ġesù, se nagħmlu l-frott dejjem. Ħafna drabi l-frott ma narawhx, u allaħares narawh. Għax aħna naħdmu fl-intern tal-persuna, aħna naħdmu fil-qalb tal-bniedem, u l-frott hemmhekk ma jidhirx: la jinstema’, la tarah, la jinħass; hu biss ta’ dik il-persuna. Hu d-don, ir-rigal li Alla jagħti lil dik il-persuna. Allura, anki meta mingħalina fallejna, anki jekk niżbaljaw mat-triq, anki jekk żbaljajna mat-triq – u mhix ħaġa tajba, mhux sew li nagħtu skandli – imma anki jekk żbaljajna mat-triq, għax aħna bħal ħaddieħor bnedmin tad-demm u l-laħam, anki hemmhekk Alla mill-iżbalji tagħna stess jaf joħroġ il-frott, li jien u int ma narawhx. Imma hu kapaċi joħorġu. Għandna l-garanzija tal-kliem ta’ Ġesù, li smajna fil-Vanġelu: “Ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’” (v. 16).
Meta aħna ngħixu s-sejħa tagħna b’dan il-mod, meta nippruvaw nirrispondu għas-sejħa tagħna b’dan il-mod, allura joħroġ ċar dak li qalilna San Pietru fit-Tieni Qari, u nispiċċa biha… sabiħa ħafna. San Pietru jagħtina l-kwalitajiet kif għandha tkun il-ħidma pastorali tagħna, kif għandha tkun il-ħidma pastorali tiegħek, Matthew. Isemmi tliet affarijiet u jsemmi l-oppost.
San Pietru jgħid: “Irgħu l-merħla ta’ Alla fdata f’idejkom. Ħudu ħsiebha” (1 Pt 5:2). Mhux irgħuha biss, imma ħudu ħsiebha. Inti x’tieħu ħsieb? Tieħu ħsieb xi ħaġa li hi għażiża għalik. In-nies li hawn quddiemna, in-nies li għandna fil-parroċċi tagħna, in-nies li għandna fl-isptarijiet tagħna jridu jkunu għeżież għalina, kollha kemm aħna. Aħna msejħin biex nieħdu ħsieb il-merħla ta’ Alla, għeżież għalina.
Ikompli San Pietru: “Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, imma minn qalbkom, kif irid Alla” (v. 2). M’hemmx għalfejn noqgħod niddeskrivi x’jiġifieri bilfors! Għax nafu aħna stess, inħossu ġo fina jekk aħniex nirgħu l-merħla ta’ Alla, aħniex saċerdoti, aħniex inqaddsu, aħniex inqarru, aħniex nisimgħu l-Qrar, aħniex nagħtu pariri, aħniex nisimgħu d-dwejjaq u l-inkwiet tan-nies, bilfors jew bil-qalb. Din nafuha, kollna kemm aħna. Kemm hu sabiħ il-Qari tal-lum! Aħniex naħdmu bilfors jew bil-qalb. Jekk naħdmu bilfors, indejqu lil dawk li naħdmu magħhom u niddejqu aktar aħna. Jekk naħdmu bil-qalb, nagħmlu l-ġid tassew, f’dawk li jafdalna l-Mulej f’idejna, u aħna dak li nagħmlu jimliena. Għax aħna missirijiet, jgħidulna ‘Fathers’. Il-missier, il-gost tiegħu hu li jara lil uliedu jikbru, jisbieħu, isibu posthom, isibu l-paċi tal-qalb tagħhom.
Ikompli San Pietru: “Mhux għall-qligħ baxx, imma bil-ħeġġa tal-imħabba” (1 Pt 5:2). Forsi din ma tgħoddx għalina. Mhux se noqgħod ngħidilkom kemm jaqilgħu l-qassisin; imma ħafna minnkom għandkom idea. Imma fittxu kemm jaqilgħu l-qassisin. Imma kultant jitfaċċa xi wieħed minna, forsi jien, kultant, li nagħmel għall-flus. Inti tinduna, u aħna nindunaw li hawn xi ħadd li jagħmel għall-flus. X’jiġri meta x-xogħol li nagħmel nagħmlu għall-flus? Meta l-ħidma tagħna tispiċċa ħidma biex nakkwistaw il-flus? Dak li nagħmlu jispiċċa, sempliċiment mezz għal skop żbaljat, li għalina jsir iktar importanti: il-ġid, il-flus, li takkwista. Ejjew inserrħu rasna li Alla jipprovdi lil min jagħti bil-qalb; ejjew inserrħu rasna li l-flus qatt ma jonqsu, mhux lil min igeddes u lil min jiġbor; il-flus qatt ma jonqsu lil min jagħti. Min jagħti, dejjem isib x’jagħti. Min jiġbor u jgeddes, qatt ma jkollu biżżejjed. Min jagħti, dejjem isib xi ħaġa x’jagħti, u Alla jipprovdilu x’jagħti. San Pietru jgħidilna: “Mhux għall-qligħ baxx” (1 Pt 5:2).
L-oħra: “Mhux bħallikieku taħkmu bil-qawwa fuq dawk li messewkom b’xortihom” (v. 2), bħallikieku aħna nieħdu post Alla, bħallikieku aħna nafu kollox, bħallikieku aħna l-awtorità u l-aħħar kelma. Qed ngħixu fi żmien ta’ sinodalità, qed ngħixu fi żmien fejn il-Knisja qed tistedinna biex kemm jista’ jkun naħdmu flimkien, nisimgħu lil xulxin, nistaqsu lil xulxin; nagħtu piż lill-parir tal-oħrajn, mhux ta’ bejnietna s-saċerdoti, imma b’mod speċjali ta’ lajċi. Qed ngħixu dan iż-żmien sabiħ fil-Knisja. San Pietru qed jgħidilna biex noqogħdu attenti, biex ma nħaddmux il-ministeru tagħna bil-qawwa, bil-poter. Irridu noqogħdu ħafna attenti għaliha din, għax ħafna drabi lanqas biss nindunaw; ikunu fil-bżonnijiet tagħna, fl-inkonxju tagħna, u mingħajr ma nindunaw, fil-ħidma tagħna, u forsi fil-pastorali tagħna, u forsi fl-għajnuna li nagħtu lin-nies, inkunu qegħdin inħalltu ħafna minn dan il-poter, minn din il-kilba għall-flus u minn dan is-sens ta’ dmir, u allura naħdmu bilfors.
Ejjew nitolbu lill-Mulej illejla, mhux biss għal Matthew, imma għal Matthew b’mod speċjali; mhux biss għas-saċerdoti, imma għalina kollha kemm aħna, ilkoll kemm aħna, biex nifhmu u nagħrfu li l-Vanġelu għandna bżonnu, il-Kelma ta’ Alla għandna bżonnha. Bdejna billi għidna li qed ngħixu fi żmien fejn il-marda l-kbira hija l-egoiżmu, u naħseb li lkoll kemm aħna naqblu fuqha. Allura, għiduli jekk hemmx bżonn verament tal-Vanġelu ta’ Ġesù, u għiduli hemmx bżonn ta’ nies li mhux biss ixandruh, imma jippruvaw jgħixuh!