Kif bdiet id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù 

Minn Joe Galea

Id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù twassal sal-bidu tar-reliġjon Nisranija. Il-Bibbja, l-aktar fit-Testment il-Ġdid, issemmi diversi drabi l-imħabba t’Alla, u l-Knisja kompliet tgħallem dwar dan.

Fis-seklu 11 l-Insara kienu jimmeditaw fuq il-ħames pjagi ta’ Ġesù, hekk li d-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù kibret frott ta’ din il-meditazzjoni. Fl-aħħar snin tas-seklu 13, Santa Gertrude, li kellha rivelazzjonijiet privati dwar il-Qalb ta’ Ġesù, għenet biex in-nies jifhmu x’inhi l-Qalb ta’ Ġesù.

Sekli wara, fl 1670, San Ġwann Ewdes iċċelebra l-ewwel festa tal-Qalb ta’ Ġesù. Fl-1673, Santa Margerita Marija Alacoque, soru Franċiża tal-Viżitazzjoni, kellha rivelazzjonijiet fejn Ġesù fissrilha l-imħabba tiegħu għall-bnedmin kollha u ħalliha tqiegħed rasha fuq qalbu, kif kien għamel ukoll ma’ Santa Gertrude. Ġesù talab li n-nies jisimgħu l-Quddies u jitqarbnu kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar u jagħmlu adorazzjoni quddiem l-Ewkaristija.

Fl-1675, Ġesù qal lil Santa Margerita Marija Alacoque li xtaq issir festa kull sena f’ġieħ il-Qalb Imqaddsa tiegħu. Fl-1856, Il-Papa Piju IX ddikjara li l-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù ssir nhar il-Ġimgħa wara l-festa ta’ Corpus Christi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading