L-esperjenza tal-imħabba

Il-Ġimgħa, 16 ta’ Ġunju 2023: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fis-Solennità liturġika tal-Qalb ta’ Ġesù. Santwarju parrokkjali tal-Qalb ta’ Ġesù, Fontana.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Għalkemm kollha kemm aħna ngħixu ġo familja jew ngħixu qalb nies li jħobbuna u li nippruvaw inħobbu, naħseb naqblu lkoll kemm aħna kemm hi diffiċli l-esperjenza tal-imħabba. Kemm hi diffiċli! Mhix diffiċli li tħobb persuna b’qalbek kollha, ħajtek kollha? Mhix diffiċli li inti trid tieħu paċenzja kontinwament bit-tfal, b’tifel jew bi tnejn li jkollok, anke meta jinkwetawk, meta jittantawk jew ma jobdux? Mhix diffiċli meta forsi xi ħadd minn ħutek, b’kelma jew b’azzjoni, iweġġgħek u trid tara kif ser tagħmel biex b’xi mod tibqa’ tkellmu jew tkellemha għax hu ħuk jew hi oħtok; forsi tagħmel żmien ’il bogħod imma qalbek ma tagħtikx? Mhux diffiċli meta inti jidhirlek li ommok u missierek forsi ma qisukx, ma kkalkulawkx daqs ħaddieħor fil-wirt jew inkella fl-għotjiet li tawk meta kienu għadhom ħajjin? L-esperjenza tal-ħajja hija esperjenza diffiċli għalina lkoll. U forsi l-problema l-kbira li lkoll kemm aħna nġorru hija li aħna nixtiequ li nkunu tassew maħbubin. Jien naħseb li kieku kellna nieqfu nirriflettu bis-sinċerità, naħseb li kull wieħed u waħda minna hawn ġew ngħidu: “iva, nixtieq li nħossni tassew maħbub”. U xi kultant, tant nixtiequ nħossuna maħbubin li nibdew naqtgħu qalbna li nkunu maħbubin u lanqas nibqgħu nfittxu li nkunu maħbubin.

Kemm tiġri din, b’mod speċjali qalb iż-żgħażagħ! Jgħidlek: “Ma nerġax nipprova, daqshekk, ma nippruvax iżjed, għax ippruvajt, ingdimt u ma rridx nerġa’ ningidem”, b’mod speċjali jekk tkun xi ħaġa fil-qrib, friska. Wieħed iħossu ttradut, mibdul. Kemm hi diffiċli l-esperjenza tal-imħabba. Imma fl-istess waqt, kemm nixtiquha, kemm irriduha l-esperjenza tal-imħabba! U allura llum, bir-raġun, toħroġ il-persuna ta’ Ġesù, din il-Qalb li hija ċ-ċentru ta’ din il-Persuna, iċ-ċentru tal-personalità. Dan il-Bniedem-Alla li mhux biss iħobb, mhux biss iħobbna, imma hu mudell għal kull wieħed u waħda minna ta’ kif nistgħu ngħixu l-esperjenza tal-imħabba.

Naħseb li naqblu kollha kemm aħna li biex inħobbu, irridu nħossuna maħbubin, mhemmx mod ieħor. U ngħidilkom din (nittama li ninftihem): illi jien ma nistax inħobb ten jekk l-esperjenza tal-imħabba li rċevejt kienet five. Jien inħobb daqskemm irċevejt. U bil-maqlub: nirċievi l-imħabba daqs kemm inħobb. Li nirċievi u li nagħti l-imħabba jridu jikbru flimkien fil-persuna tiegħi. Ħafna drabi jiġrilna li sakemm inkunu għadna żgħar l-esperjenza tal-imħabba tkun naturali ħafna għaliex il-ġenituri tagħna, meta nkunu għadna żgħar, kif ukoll in-nanniet u dawk ta’ madwarna, iduru bina u jieħdu ħsiebna u nħossuna ftit jew wisq fiċ-ċentru tal-ħajja, fiċ-ċentru tad-dinja. Imma mbagħad, bil-mod il-mod, meta l-eżiġenzi tagħna jibdew jikbru, anke jekk inkunu għadna trabi jew żgħar, u aħna nibdew nitolbu kważi żżejjed mingħand dawk li jieħdu ħsiebna, nibdew nirċievu l-protesti, il-“le”, nibdew nirċievu l-ħars bl-ikrah, nibdew nirċievu r-reżistenzi u ma nibqgħux niġu maħbuba skont kemm nixtiequ. U x’jiġri? Nibdew niddubitaw bil-mod il-mod, iktar ma nikbru, jekk hux ta’ min iħobbna jew le. Nibdew nistaqsu: imma jien ta’ min iħobbni jew le? Imma jien bħal ħaddieħor jew le? U tibda ġejja dik li nsejħulha l-problema l-problema tas-self esteem. Nibda niddubita inix daqs l-oħrajn għax nibda nimmaġina li jien minix maħbub daqs l-oħrajn. Nixtieq li nkun maħbub almenu daqs ħaddieħor. U jibdew ġejjin dawn id-dubji fil-persuna tagħna, dubji li ma jħalluniex lanqas meta nikbru, anke meta nsibu persuna li nħobbuha u li tħobbna, anke meta nieħdu l-istat tagħna u kważi nkunu ċerti li hemm persuna maġenbi li ħa tħobbni b’qalbha kollha u għal dejjem. Jerġgħu jibdew ġejjin id-dubji, id-diffikultajiet, ir-reżistenzi. Jien nitlob ħaġa lill-persuna li hemm maġenbi u din ma taqdinix; il-persuna li forsi żżewwiġt jew li forsi ngħix magħha fil-familja ma tirrispondix dejjem pożittivament għal dak li jkolli bżonn. U mbagħad, bħala reazzjoni, nibda nirrabja, nibdew nitbiegħdu fir-relazzjoni tagħna u ma tibqax kif kienet qabel, sempliċement għaliex inħoss li l-imħabba li nixtieq mhijiex sodisfatta għal kollox, għax inħossni li minix maħbub daqskemm nixtieq li nkun maħbub. Din hi l-esperjenza ta’ kulħadd. Kultant ngħixu bl-illużjoni illi din hija biss l-esperjenza ta’ xi nies u mhux ta’ kollha kemm aħna.

Santu Wistin jagħtina risposta għal din l-esperjenza tal-vojt tal-imħabba li nġorru f’qalbna. Jgħidilna hekk: min għamilna, min għamel lill-qalb tagħna, għamilna b’qalb kbira tant li tista’ tistrieħ u ssib kwiet jew tiltaqa’ biss mal-imħabba ta’ min għamilna. Din l-imħabba biss tista’ tagħti mistrieħ lill-qalb tagħna. U għalhekk tagħmel sens li nagħmlu festa lill-Imħabba ta’ Ġesù, festa lill-Persuna ta’ Ġesù, festa lil din il-Qalb illi lesta biex lil kull wieħed u waħda minna timliena bl-imħabba tagħha.

Imma mhux daqhsekk faċli. Mhux daqshekk faċli li niġu hawn u nħossu l-imħabba ta’ Ġesù. Inkunu sinċieri! Mhux faċli li kull darba li nisimgħu li Ġesù jħobbna, dak li tisma’ ma jibqax biss hawn (fil-moħħ) imma jinżel ġo qalbek. Mhu faċli għal ħadd minna għaliex hemm dak li jgħidulu “dnub”, dak li ngħidulu “nuqqas ta’ fiduċja” jew “nuqqas ta’ fidi”. Kieku jkollna tassew nemmnu u jkollna fiduċja fil-Qalb ta’ Ġesù, f’Ġesù li jħobbna b’Qalbu kollha, kieku dak li nafu fil-moħħ isir fiduċja vera, fidi vera, u jinżel fil-qalb, jiena nemmen li noħorġu mill-knisja kull darba mibdulin għax l-imħabba ta’ veru tirxuxtana, tqajjimna kull darba fi bnedmin ġodda.

Allura bir-raġun Ġesù, fil-Vanġelu tal-lum, jibda b’dik is-sentenza hekk importanti fuq il-fatt illi “aħna wlied”. Aħna għandna Missier fis-sema. Aħna m’aħniex awto-suffiċjenti u li kollox jiddependi minna. Isimgħu x’jgħid Ġesù: “Lil Missieri jagħrfu dak illi jien, l-Iben, ngħinu jagħraf lil Missieri.” Fi kliem ieħor, mhux daqshekk faċli nħossu, ngħixu u nindunaw li Alla hu l-Missier tagħna. Ħafna drabi, fl-esperjenza tal-ħajja tagħna, u jekk inkunu sinċiera taqblu miegħi, inħossuna wlied abbandunati minn dan il-Missier. Inħossuna wlied mexjin għal rasna minn dan il-Missier. Ma nħossuniex verament li dan il-Missier huwa tassew missier li jieħu ħsiebna. Ma nħossuniex tassew ulied ta’ dan il-Missier. Hu għalhekk li fil-Vanġelu tal-lum, Ġesù jgħidilna illi dak li kien ser jgħid wara jifhmuh biss “iċ-ċkejknin”, “l-ulied”.

Ġesù, fil-Vanġelu tal-lum, qalilna li dak li kien ser jgħid ma jifhmuhx dawk li għandhom id-dehen u l-għerf imma jifhmuh iċ-ċkejknin, iż-żgħar, dawk li jħossuhom ulied, dawk li jħossuhom fil-bżonn. Aħna, kultant, minkejja li nixtiequ din l-imħabba, minkejja li aħna nies fil-bżonn, nirreaġixxu u nippruvaw nuru maskra, qoxra, li hi totalment differenti ta’ dak li għandna fil-qalb. Nippruvaw nuru li m’aħniex nies fil-bżonn, li aħna m’aħniex ċkejknin, anke jekk fil-fond ta’ qalbna aħna għandna bżonn, aħna nies fil-bżonn, aħna wlied. Dan l-effett tad-dnub, tal-egoiżmu, tal-awtosuffiċjenza, meta jien inħoss illi kważi kważi ħajti nagħmilha jien, kollox jiddependi minni, l-għażliet tiegħi jiddependu kollha kemm huma minn dak li naħseb u nixtieq jien. Ma niħux il-parir ta’ ħaddieħor u ma nsaqsix ‘imma l-Missier Alla xi jrid minni?’. Le! Naħseb li jien qiegħed waħdi fuq din l-art. Ma nħossnix ċkejken, li kontinwament irrid indur lejn Missieri u nistaqsieh: imma int x’għandek lest għalija? Int, x’tixtieq minni? U din ir-realtà-gidba li nippruvaw ngħixu, li aħna nħossuna indipendenti, irridu naġixxu u niddeċiedu aħna għalina u għal ta’ madwarna, tbegħedna mill-esperjenza hekk importanti tal-ħajja tagħna, l-esperjenza tal-imħabba u nsibuha bi tqila biex inħossuna maħbubin, biex inħossu li hemm xi ħadd jieħu ħsiebna kontinwament. Ħa nġibu eżempju biex dak li qed ngħidu jinftihem: kieku jkollna nagħlqu ftit għajnejna bħalissa u nirriflettu ftit u nindunaw li n-nifs li qed nieħdu, ’il ġewwa u ’l barra mhux għajr rigal, mhux għajr don. Il-ftit saħħa li għandna u s-sensi li għandna jistgħu jaħdmu għax hemm xi ħadd, hemm Qalb li, bħalissa, u mhux meta ħalaqna jew meta mmutu u nerġgħu niltaqgħu miegħu, le, kontinwament f’ħajjitna, qiegħed jagħtina l-enerġija li ngħixu,  fi kliem ieħor, l-imħabba kontinwa li għandu għalina tagħtina l-qawwa li ngħixu u li neżistu.

Imma din ninsewha, u ninsewha malajr. Malajr ninsew li aħna ma ngħixux bis-saħħa tagħna. Malajr ninsew illi s-saħħa fiżika u s-saħħa tal-moħħ tagħna ma tiddependix minna imma tiddependi totalment minn ħaddieħor. Dan irrid ngħid meta, ftit ilu, magħkom irriflettejt illi ngħixu l-gidba li aħna awtosuffiċjenti. Fil-fatt mhijiex din ir-realtà. Ir-realtà tal-fatt li aħna ċkejknin, li aħna wlied u li niddependu minn Missier, tgħinna ngħixu kontinwament l-esperjenza tal-imħabba. Kieku jkollna nibqgħu konxji mir-realtà li l-ħajja tagħna hi don, hija bewsa t’Alla li ma tiqafx, bewsa li tibqa’ kontinwament, għiduli intom kieku nagħmlux l-esperjenza tal-imħabba, inħossuhiex l-imħabba ta’ Ġesù u jekk dak il-vers li jgħid iktar tard fil-Vanġelu huwiex veru: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi…”, l-imħabba u l-enerġija tiegħi… indunaw li jekk intom ħajjin bl-imħabba tiegħi, bis-saħħa tiegħi, tgħixu u tistrieħu; ngħixu fil-paċi. Kemm għandna bżonnha din l-imħabba ta’ Ġesù. Kemm għandna bżonn din l-imħabba konwtinwa fil-ħajja tagħna, speċjalment fil-mumenti iebsa u diffiċli.

Nixtieq nikkonkludi: intom, din is-sena, qegħdin tiċċelebraw il-mitt sena mill-wasla tal-istatwa tal-Qalb ta’ Ġesù. Xi ħaġa sabiħa ħafna. Jien nixtieq nagħmlilkom proposta qawwija u konkreta, bħala poplu ta’ din il-parroċċa u li tibqa’ tifkira għal mitt sena oħra, tibqa’ tifkira għal ta’ warajkom, għall-familji ta’ din il-Parroċċa tat-Triq tal-Għajn. Liema hi din il-proposta? Iktar ma tiġu hawnhekk, fil-knisja, iktar tindunaw kemm għandna bżonn nitgħallmu. Mhux biżżejjed niċċelebraw l-Ewkaristija. L-Ewkaristija hi fundamentali u importanti. Però jekk jien ma nkunx naf x’qiegħed niċċelebra, ma nibqax immur u l-Ewkaristija naqbiżha. Jekk jien ma nafx xi tfisser il-Quddiesa, jekk jien ma nitgħallimx u ma nħallix il-Kelma t’Alla ddawwalli lil ħajti, jien nispiċċa biex ngħejja, jew immur “biex nieħu gost” jew immur “għax okkażjoni speċjali” jew immur “għax ġejja l-festa”… u l-bqija tas-sena? Allura fil-festa ngħixu kuntenti u ferħanin u fil-bqija tas-sena ngħixu ndannati? Min se jżommni lili, min ser jurini, min ser jgħallimni, min se jdawwalni fuq dak li kultant niġi niċċelebra hawnhekk fl-Ewkaristija, jekk ma nħallix il-Kelma t’Alla, mhux darba jew tnejn, imma kontinwament, matul is-sena, tkellemni?

Allura, il-proposta tiegħi hija din: ġa hawn l-għaqdiet tal-Leġjun u tal-Azzjoni Kattolika. Huma grazzji li l-Mulej qiegħed jagħtikom, huma bewsiet u attijiet ta’ mħabba illi l-Mulej qiegħed jagħti lill-Parroċċa tagħkom. Tarmuhomx dawn il-grazzji! Attendu, morru għal-laqgħat u jekk hemm bżonn, u nixtieq u nħeġġiġkom b’qalbi kollha, jinfetħu gruppi oħrajn madwar il-Kelma t’Alla. Kemm hi sabiħa l-Kelma t’Alla! Alla ma jrid xejn minna, irid sempliċement jagħtina l-imħabba tiegħu, u jekk intom temmnu verament fil-Qalb ta’ Ġesù, jekk intom temmnu li l-Qalb ta’ Ġesù qegħda hawn biex tħobb u mhux biex tieħu mingħandna, allura dawn il-mumenti, dawn il-laqgħat, dawn l-għaqdiet, ma jkunux piż imma “ħa mmur ħa nirċievi l-imħabba t’Alla għalija, ħa mmur biex nara għal darb’oħra li Alla qiegħed iħobbni, ħa nħoss għal darb’oħra l-esperjenza ta’ bewsa, ta’ tmellisa, ta’ żegħila t’Alla għalija”. Għalhekk, minn qalbi nħeġġiġkom: agħmlu monument li jservi iktar minn mitt sena, għax jekk intom tiffurmaw lilkom infuskom u jiffurmaw ruħhom il-familji tagħkom, dan il-wirt jibqa’ għall-ġid mhux biss tal-Parroċċa tagħkom, imma għall-ġid t’Għawdex u ta’ kull fejn għad ikunu wliedkom, ulied uliedkom u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Minn qalbi nħeġġiġkom: agħmlu monument ħaj illi jibqa’ mitt sena u iktar: ħudu ħsieb li tattendu u tisimgħu l-Kelma t’Alla, Kelma li tħobbna, Kelma li tfejjaqna, Kelma li taħfrilna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading