Minn Edward Tagliaferro.
Tkun qed iġġib kafe’ mill-bar u tkun sejjer f’postok, meta xi ħadd jolqtok f’minkbejk. Imħabba f’hekk, ixxerred ftit kafe’ mal-art. Xi ħadd isaqsik, “Għaliex xerridt il-kafe’ mal-art?” Int twieġbu, “Għax xi ħadd imbuttani.” Veru, imma mhux għalhekk biss. Xerridt il-kafe’ għax fil-kikkra, kafe’ kellek! Kieku kellek te’ fil-kikkra, te’ kont ixxerred. Skont xi jkollok fil-kikkra se xxerred.
Fil-ħajja jkollna xi mbuttatura ‘l hemm u ‘l hawn, xi theżżiża jew ċaqlieq ieħor goff. Meta jiġri hekk, int se toħroġ dak li hemm fik. Fi żmien normali, faċli tilbes maskri u taħbi dak li hemm f’qalbek. Imma meta l-ħajja tixxejkjana xi waħda sew, hemm turi biċ-ċar min int.
Għalhekk tajjeb li kull tant issaqsi lilek innifsek: “X’fiha l-kikkra tiegħi? Fil-prova, x’ifur minn qalbi? Ferħ, radd il-ħajr, paċi, umiltà, kliem ħelu? Jew rabja, qrusa, kliem iebes u offensiv?” Il-ħajja ttik il-kikkra. Sta għalik biex se timliha. Għax ma tibdiex mil-lum? Żvojta kulma fiha negattiv, u ibda imliha b’imħabba, radd il-ħajr, maħfra, ferħ. ottimiżmu, u kliem ġentili u ta’ ħniena.