Qari tat-Tnejn tat-Tielet Ġimgħa tar-Randan

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Ma kellhomx ħila jieqfu lil Stiefnu għall-għerf u għall-Ispirtu li bih kien jitkellem.
Atti 6:8-15

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, Stiefnu, kollu grazzja u qawwa, kien jagħmel mirakli u sinjali kbar fost il-poplu. Imbagħad qamu xi wħud minn tas-Sinagoga li jgħidulha tal-Meħlusin, taċ-Ċirinej, tal-Lixandrin, u ta’ oħrajn miċ-Ċiliċja u mill-Asja, u bdew jeħduha ma’ Stiefnu; imma ma kellhomx ħila jiqfulu għall-għerf u għall-Ispirtu li bih kien jitkellem. Imbagħad xewxu xi nies biex jgħidu: “Aħna smajnieh jidgħi b’Mosè u b’Alla”. Qanqlu wkoll il-poplu u x-xjuħ u l-kittieba, li ġew għal fuqu, qabduh u ħaduh quddiem is-Sinedriju. U ġiebu xhieda foloz biex jgħidu: “Dan ir-raġel qatt ma jieqaf jitkellem kontra dan it-tempju mqaddes u kontra l-Liġi; smajnieh jgħid li dan Ġesù ta’ Nazaret għad iħott dan it-tempju u jbiddel id-drawwiet li tana Mosè”. Dawk kollha li kienu bilqiegħda fis-Sinedriju sammru għajnejhom fuqu, u rawlu wiċċu qisu wiċċ ta’ anġlu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 118(119):23-24,26-27,29-30

R/. (1b): Henjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej.
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Imqar jekk il-kbarat joqogħdu jqassu fuqi,
fuq il-kmandamenti tiegħek jibqa’ jaħseb il-qaddej tiegħek.
Il-preċetti tiegħek huma l-għaxqa tiegħi,
huma jagħtuni l-parir tajjeb. R/.

Triqati wrejtek, u int weġibtni;
għallimni l-kmandamenti tiegħek.
Fehemni t-triq tal-preċetti tiegħek,
biex naħseb fuq għeġubijietek. R/.

Biegħed minni triq il-gideb;
agħtini fi tjubitek il-liġi tiegħek.
Jiena għażilt it-triq tas-sewwa;
ħtart għalija d-digrieti tiegħek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 4:4b

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.

Ġw 6:22-29

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

L-għada li Ġesù mexa fuq il-baħar, in-nies li kienu għadhom in-naħa l-oħra tal-baħar raw li hemmhekk ma kienx hemm ħlief dgħajsa waħda u li Ġesù ma kienx tela’ fiha mad-dixxipli tiegħu, imma li d-dixxipli kienu marru weħidhom. Mela waslu xi dgħajjes oħra minn Tiberija qrib fejn kienu kielu l-ħobż wara li l-Mulej kien radd il-ħajr.

Iżda n-nies, meta raw li fuqhom la kien hemm Ġesù u lanqas id-dixxipli tiegħu, telgħu fuq id-dgħajjes u marru lejn Kafarnahum ifittxu lil Ġesù. U meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar staqsewh: “Rabbi, meta ġejt hawn?”. Ġesù weġibhom: “Tassew tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu. Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu”.

Imbagħad staqsewh: “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?”. Weġibhom Ġesù: “L-opra ta’ Alla hija din: li intom temmnu f’dak li huwa bagħat”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

%d bloggers like this: