QARI I
Bdew ixandru l-kelma kull fejn marru.
Atti 8:1b-8
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Dak iż-żmien qamet persekuzzjoni kbira kontra l-Knisja ta’ Ġerusalemm. Barra mill-appostli kulħadd xtered fl-artijiet tal-Lhudija u tas-Samarija. Xi rġiel twajba difnu lil Stiefnu, u bkewh ħafna. Sadattant Sawl kien qiegħed jagħmel ħerba mill-Knisja; kien jidħol minn dar għal oħra, jaqbad irġiel u nisa u jitfagħhom il-ħabs. Imma dawk li xterdu bdew ixandru l-kelma kull fejn marru. Filippu niżel f’belt tas-Samarija u xandar lil Kristu lin-nies tagħha. Il-folol tan-nies b’fehma waħda kienu joqogħdu attenti għal dak li kien jgħidilhom Filippu, meta kienu jisimgħuh u jaraw il-mirakli li kien jagħmel. Kien hemm nies maħkuma mill-ispirti ħżiena, u dawn b’għajat kbir kienu joħorġu minn ħafna minnhom; u ħafna nies oħrajn, mifluġa jew zopop, kienu jitfejqu. U kien hemm ferħ kbir f’dik il-belt.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 65(66):1-3a,4-5,6-7a
R/. (1): Għajtu bil-ferħ lil Alla, bnedmin tad-dinja kollha.
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Għajtu bil-ferħ lil Alla, bnedmin tad-dinja kollha;
għannu s-sebħ ta’ ismu,
xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.
Għidu lil Alla: “Kemm int tal-biża’ f’għemilek!”. R/.
“L-art kollha tagħtik qima,
tgħannilek u tgħanni lil ismek”.
Ejjew, araw l-għemejjel ta’ Alla;
tal-biża’ f’għemilu fost il-bnedmin. R/.
Biddel il-baħar f’art niexfa,
għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.
Għalhekk, nifirħu bih!
Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 6:40
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Min jemmen fl-Iben, ikollu l-ħajja ta’ dejjem, jgħid il-Mulej,
u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Din hi r-rieda tal-Missier: li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem.
Ġw 6:35-40
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx! Imma jiena ġa għedtilkom li, għalkemm rajtuni, ma emmintux. Dawk kollha li jagħtini Missieri jiġu għandi, u min jiġi għandi ma nkeċċihx ’il barra; għax jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni. Issa r-rieda ta’ min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, iżda li nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Din hi tabilħaqq ir-rieda ta’ Missieri: li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.