Qari tal-Ġimgħa tas-Seba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
L-Imħallef qiegħed quddiem il-bieb.
Ġak 5, 9-12

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

Tgergrux kontra xulxin, ħuti, biex ma tkunux iġġudikati: araw, l-Imħallef qiegħed hawn, quddiem il-bieb! Bħala eżempju tat-tbatija u s-sabar, ħuti, ħudu l-profeti li tkellmu f’isem il-Mulej. Dawk li żammew sħiħ sal-aħħar, araw, aħna nqisuhom bħala hienja. Smajtu bis-sabar ta’ Ġob, u tafu kif bl-għajnuna tal-Mulej hu għalaq jiem ħajtu; għax il-Mulej jaf jagħder, u hu ħanin bil-bosta. Imma fuq kollox, ħuti, la taħilfux, u la bis-sema u la bl-art, u tieħdu ebda ġurament ieħor; iżda ħallu l-”iva” tagħkom ikun iva, u l-“le” tagħkom ikun le, biex hekk ma tkunux ikkundannati.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 102 (103), 1-2.3-4.8-9.11-12

R/. (8a): Ħanin u twajjeb il-Mulej

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

Hu li jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tieba u l-ħniena. R/.

Ħanin u twajjeb il-Mulej,
idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.
Ma joqgħodx jitlewwem magħna,
u anqas jinkorla għal dejjem. R/.

Daqskemm huma s-smewwiet ‘il fuq mill-art,
hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu;
daqs kemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,
hekk hu jbiegħed minna ħtijietna. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 17, 17b.a

Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-kelma tiegħek hi l-verità;
qaddisna permezz tal-verità.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.
Mk 10, 1-12

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù 1telaq minn Kafarnahum u mar fl-art tal-Lhudija u ’l hemm mill-Ġordan, u n-nies mill-ġdid inġabret madwaru; u hu, kif kienet id-drawwa tiegħu, raġa’ qabad jgħallimhom.

Resqu xi Fariżej lejh, u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?”. Qalulu: “Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha”. Imbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara. Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”.

Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u
tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

%d