Qari tal-11 ta’ Ġunju – Tifkira ta’ San Barnaba

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Kien raġel tajjeb, mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-fidi.
Atti 11: 21b-26; 13: 1-3

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien: Kbir kien il-għadd ta’ dawk li emmnu u daru lejn il-Mulej. L-aħbar ta’ dan waslet f’widnejn il-Knisja ta’ Ġerusalemm, u għalhekk bagħtu lil Barnaba sa Antjokja. Dan, meta wasal u ra l-grazzja ta’ Alla, feraħ, u beda jħeġġiġhom biex jibqgħu b’rieda sħiħa magħqudin fil-Mulej. Għax hu kien raġel tajjeb, mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-fidi. U ġemgħa kbira ta’ nies ingħaqdet mal-Mulej. Imbagħad hu telaq lejn Tarsu jfittex lil Sawl. Meta sabu, ħadu Antjokja. Għal sena sħiħa ħadmu flimkien fil-Knisja u għallmu ġemgħa kbira ta’ nies. Kien f’Antjokja li għall-ewwel darba d-dixxipli ssejħu Kristjani.

Fil-Knisja ta’ Antjokja kien hemm xi profeti u għorrief: Barnaba, Xmun imsejjaħ Niger, Luċju minn Ċirene, Manaħen li kien sieħeb Erodi t-tetrarka, u Sawl. Darba, waqt li kienu jagħtu qima lill-Mulej u jsumu, l-Ispirtu s-Santu qal: “Agħżluli malajr lil Barnaba u lil Sawl għax-xogħol li għalih sejjaħtilhom.” Imbagħad, wara li samu u talbu, qiegħdu jdejhom fuqhom u bagħtuhom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 97: 1-6

R/.: Il-Mulej għarraf is-salvazzjoni lill-ġnus!

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel l-għeġubijiet.
Ġibitlu r-rebħa l-leminja tiegħu
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fi tjubitu u fil-fedeltà tiegħu
għal dar Israel. R/.

Raw it-truf kollha tal-art
is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu. R/.

Għannu lill-Mulej biċ-ċetra,
biċ-ċetra u b’leħen il-għana;
bit-trombi u b’leħen it-trombetti
għajtu bil-ferħ quddiem is-Sultan, il-Mulej! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 28:19a.20b

Hallelujah. R/. Hallelujah
Morru għallmu l-ġnus kollha, jgħid il-Mulej;
jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Intom u sejrin xandru u għidu lis-saltna tas-smewwiet waslet.
Mt 10:7-13

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom u sejrin xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-imġiddmin, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu. Tfittxux li jkollkom flus fuqkom, la tad-deheb, la tal-fidda u lanqas tar-ram; u la ħorġa għat-triq, la żewġ ilbiesi, la qorq u lanqas ħatar: għax il-ħaddiem ħaqqu ħobżu. Fil-belt jew raħal fejn tidħlu, araw ikunx hemm min jixraqlu tmorru għandu, u ibqgħu f’daru sa ma titilqu minn hemm. Meta tidħlu f’dar, sellmu lin-nies tagħha, u jekk tkun dar li jixirqilha, ħa jiġi fuqha s-sliem tagħkom. Imma jekk tkun dar li ma jixirqilhiex, ħa jerġa’ lura għandkom is-sliem tagħkom.”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading