Qari tat-Tlieta tat-Tlieta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Tnaddfu mill-ħmira l-qadima. Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul!
1 Kor 5, 1-8

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, kulħadd sama’ li hemm iż-żína fostkom, u żína li anqas issibha fost il-pagani; jiġifieri li wieħed ikollu l-mara ta’ missieru! U intom titkabbru! U mhux aħjar li bkejtu, biex dak li għamel dan il-ħażen jitwarrab minn fostkom!

Jiena, ngħid għalija, imbiegħed mill-ġisem imma magħkom bl-ispirtu, ġa għamilt ħaqq minn min għamel dan, bħallikieku kont fostkom, fl-isem ta’ Sidna Ġesù. Meta tiltaqgħu fil-ġemgħa, intom u l-ispirtu tiegħi bil-qawwa ta’ Sidna Ġesù 5itilqu lil dan il-bniedem f’idejn ix-Xitan għall-qerda ta’ ġismu, biex ruħu tkun salva f’Jum il-Mulej. Xejn ma hu sabiħ il-ftaħir tagħkom! Ma tafux li ftit ħmira ttalla’ l-għaġna kollha? Tnaddfu mill-ħmira l-qadima ħalli tkunu għaġna ġdida, kif intom bla ħmira. Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul! Nagħmlu festa, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 5, 5-6.7.12

R/. (9a): Mexxini, Mulej, fis-sewwa tiegħek

Int m’intix Alla li tħobb il-ħażen;
il-ħażin ma jsibx postu għandek.
Ma jiqfux il-kburin quddiem għajnejk. R/.

Int teqred min jitkellem bil-gideb.
Nies qattiela u qarrieqa jistmellhom il-Mulej. R/.

Ħa jifirħu dawk li jafdaw fik,
u jithennew għal dejjem;
ħarishom, u bik jithennew dawk li jħobbu ’l ismek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 10, 27

Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Kienu moħħhom fih biex jaraw jekk ifejjaqx f’jum is-Sibt.
Lq 6, 6-11

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’jum is-Sibt Ġesù daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. Kien hemm raġel li kellu idu l-leminija niexfa. Il-kittieba u l-Fariżej kienu moħħhom fih biex jaraw jekk ifejjaqx f’jum is-Sibt, ħalli b’hekk isibu fuqiex jixluh. Iżda hu għaraf ħsibijiethom, u qal lir-raġel li kellu idu niexfa: “Qum, u oħroġ fin-nofs!” Dak qam u ħareġ fin-nofs. U qalilhom Ġesù: “Ħa nistaqsikom ħaġa: X’jiswa nhar ta’ Sibt, tagħmel il-ġid jew tagħmel id-deni? Issalva ħajja jew teqridha?”. U xeħet ħarsa madwaru fuqhom ilkoll, u qal lir-raġel: “Midd idek!”. Hekk għamel dak, u idu reġgħet saritlu qawwija u sħiħa. Iżda huma xegħlu bil-korla, u bdew jiddiskutu bejniethom x’se jagħmlu b’Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading