Pellegrini tal-Imħabba

Minn Daniel Borg

Fil-priedka tal-lum il-Papa jieħu diversi spunti. Jieħu spunt mis-salm: “Ruħi bil-għatx għalik, għalik imxennaq jiena, bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.” (Salm 62) Il-Papa jgħid li aħna lkoll pellegrini, infittxu l-imħabba u l-ferħ. Id-deżert li jsemmi s-salmista huwa l-qalb tagħna, li dejjem tfittex il-veru ferħ. Aħna lkoll qed infittxu tifsira u direzzjoni għal ħajjitna. Hija l-imħabba li tagħti tifsira għal dan kollu. Il-fidi kristjana ma tneħħix jew tipprova tnessi dan l-għatx, għax huwa propju dan li jwassalna biex infittxu lil Alla li huwa mħabba.

Fid-deżerti ta’ ħajjitna Alla qatt ma jiċħadna mil-Kelma tiegħu li tisqina kontinwament. U l-Kelma dejjem twassalna għal dak li hu essenzjali f’ħajjitna: li nħallu lilna nfusna ninħabbu minn Alla biex nagħmlu minn ħajjitna offerta ta’ mħabba.

U hawnhekk fejn jagħmel sens il-Vanġelu tal-lum. Pietru ma jridx li Ġesu jbati. Imma Pietru qed jaħseb bħal ma jaħsbu l-bnedmin. Jekk aħna naħsbu li se naqtgħu l-għatx ta’ ħajjitna bis-suċċess, il-poter, u l-ġid materjali dan ma hu se jwassalna għal xejn tajjeb! Ġesu ‘mma jurina t-triq: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha.” (Mt 16, 24-25) Meta noffru l-ħajjitna b’rigal huwa hemmhekk li nħossu l-vera ferħ. Ma jiswa xejn li nkunu kbar, qawwijin u sinjuri biex inkunu ferħanin. Li nkunu dixxipli vera tiegħu biss jagħtini l-vera ferħ.

Tista’ tara l-post fuq facebook hawnhekk:  https://www.facebook.com/daniel.borg.75/posts/pfbid0QPbx6zscWEK18qTh7MWwWT6akX4MzwgnJYF4S2whnsjSUPqgF53BQgGNmA1tnqQWl

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading