Il-Kostituzzjoni Dommatika, Lumen Gentium dwar il-Knisja
Fost l-erba’ kostituzzjonijiet tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, u li l-Papa Franġisku ssuġġerixxa bħala tħejjija xierqa għall-Ġublew 2025 – Pellegrini tat-Tama, hemm il-Lumen Gentium.
Għakemm dan huwa dokument dwar il-Knisja, madankollu t-titolu tiegħu –Dawl tal-Ġnus meħud mill-ewwel żewġ kelmiet tad-dokument, ma jirreferux għall-Knisja, imma għal Kristu stess – dawl biex idawwal il-ġnus, kif sejjaħlu l-Profeta Xmun fit-Tempju ta’ Ġerusalemm. (Lq:2:32).
Fl-istess waqt, l-isqfijiet fil-konċilju fakkruna fil-missjoni tal-Knisja li ddawwal il-bnedmin kollha bid-dija ta’ Kristu, u li dan tagħmlu bit-tħabbir tal-evanġelju lill-ħolqien kollu (par 1). Huwa propju għalhekk li fl-istess kostituzzjoni, insibu wieħed u għoxrin referenza għat-tama.
Ma nistgħux nimxu l-pellegrinaġġ tat-tama b’ħarsitna fuqna nfusna, kif spiss nagħmlu. Jeħtieġ nerġgħu naqbdu f’idejna l-Evanġelju u nħallu lil Kristu jkun Hu dak li jdawwlilna l-mixja tagħna. Hekk niskopru mill-ġdid iċ-ċentralità ta’ Kristu f’ħajjitna u f’dak kollu li nagħmlu bħala Knisja
Suġġeriment prattiku jista’ jkun li nħeġġu u nanimaw laqgħat ta’ Lectio Divina li matulhom, permezz ta’ persunaġġi mill-Evanġelju, nkunu aħna stess li nidħlu fil-ġrajja u fir-relazzjoni mal-Imgħallem; hekk kif kienu għamlu huma dakinhar.
Aktar dwar il-Ġublew 2025: Pellegrini tata-Tama … https://laikos.org/g2025/