Sinodu: “Il-Knisja tkun Knisja mill-isbaħ meta l-bibien ikunu miftuħa”

Il-ġmiel veru tal-Knisja Kattolika “jsir evidenti meta l-bibien tagħha jinfetħu u jilqgħu lin-nies. Nittamaw lis-Sinodu jgħinna niftħuhom aktar”. Hekk iddeskriva t-tema tat-tieni modulu tal-Istrumentum laboris, il-Kardinal Amerikan Joseph William Tobin, l-Arċisqof ta’ Newark. Il-modulu qed jiffoka fuq it-tema: “Komunjoni li tiddi: Kif nistgħu nkunu aktar bis-sħiħ sinjal u strument ta’ għaqda ma’ Alla u ta’ għaqda tal-umanità kollha?” Dan ġie diskuss fi gruppi żgħar it-Tnejn wara nofsinhar u t-Tlieta filgħodu.

Fil-gruppi żgħar ta’ ħidma, l-parteċipanti fl-Assemblea Ġenerali ddiskutew l-edukazzjoni, l-ambjent, il-multikulturaliżmu u l-mixi mal-emarġinati u l-migranti. It-Tnejn ġew eletti l-membri tal-Kummissjoni għar-Rapport ta’ Sinteżi u dawk tal-Kummissjoni.

Il-gruppi żgħar, li ġew organizzati fuq il-bażi tat-temi li kienu qed jiġu ttrattati, ddiskutew is-sub-sezzjonijiet tal-Modulu B1 iddedikat għat-tqarbin, u li ppreżentaw ir-riflessjonijiet tagħhom fil-ħames Kongregazzjoni Ġenerali t-Tlieta wara nofsinjar kif ukoll tul il-ġurnata tal-Erbgħa.

Meta wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Dr Ruffini enfasizza li f’dan it-tielet Sinodu tiegħu, l-membri għandhom ħafna aktar opportunitajiet biex jitkellmu, speċjalment fil-gruppi ż-żgħar. “Skont l-esperjenza personali tiegħi, qed issir sharing kbir fost il-parteċipanti kollha,”, qal, “li beda bl-irtir pre-sinodali”.

Meta wieġeb għall-mistoqsija dwar l-assemblea li qed tiġi diretta minn fuq għal isfel, il-Kardinal Tobin qal li hu “kunfidenti, għax l-affarijiet mhux ġejjin għandna minn fuq, imma huwa proċess li jibda mill-qiegħ, mill-involviment tal-Poplu ta’ Alla u jasal sal-quċċata. Ma nħosnix kostrett jew marbut.”

Għall-briefing, attendiet ukoll Suor Gloria Liliana Franco Echeverri, reliġjuża Kolumbjana tal-Ordni tal-Kumpanija ta’ Marija, president tal-Konfederazzjoni Amerika-Latina tar-Reliġjużi u xhieda tal-Proċess tas-Sinodu. Hija wkoll membru tal-Kunsill Ordinarju tas-Segretarjat tas-Sinodu. Tkellmet ukoll Sheila Leocádia Pires, segretarja tal-Kummissjoni Informazzjoni Sinodu.

Suor Echeverri saħqet li fost il-parteċipanti fis-16-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, hemm ix-xewqa li ngħixu bħal Ġesù “li umanizza, li ta dinjità, li nkluda, Ġesù li jiftaħ il-bieb għall-oħrajn”. Huwa proċess “li tara metodu differenti, li tibda bil-konverżjoni fl-Ispirtu. Fil-gruppi żgħar tagħna nagħrfu preċiżament din id-dinjità komuni, dinjità li ġejja mir-rispett, mill-komunjoni, mir-rikonoxximent reċiproku”.

Fid-diskussjoni dwar il-modulu attwali, “toqgħod f’qalbna s-sejħa biex nisimgħu l-għajta tal-foqra. Fuq il-mejda tagħna, il-wiċċ tal-foqra, l-migrazzjoni, t-traffikar tan-nies, l-esklużjoni soċjali fil-periferiji, jinstemgħu qawwija”.

Il-Kardinal Tobin, li jinsab fl-istess grupp ta’ Suor Echeverri, spjega li fil-grupp kien hemm ukoll żagħżugħa mir-Russja, omm mill-Ukrajna, Pastor Pentekostali mill-Ghana, teologu mill-Malasja, u l-koordinatur minn Singapore. “Hija sitwazzjoni mill-aħjar għalija”, kkummenta, “li nkun fi grupp daqshekk divers u li nkun kapaċi nisma’ lil ħaddieħor”. Huwa ddsekriva dan bħala “l-aktar Sinodu divers li qatt ipparteċipajt fih”.

Il-Kardinal Tobin qasam ukoll esperjenza pastorali konkreta, li kellu fil-Katidral ta’ Newark, “ta’ pellegrinaġġ ta’ nies li ħassewhom emarġinati minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom”. Huwa fakkar fi preżentazzjoni li ta saċerdot, li qal lill-grupp: “Din hija knisja sabiħa, imma tkun isbaħ meta l-bibien tagħha jkunu miftuħa”.

Dik, qal, kienet esperjenza ta’ Knisja miftuħa. U temm jgħid li f’dinja kkaratterizzata minn nazzjonaliżmu esklużiv, mill-ksenofobija, li fiha hemm mexxejja li huma mpenjati biex jibnu l-fruntieri, l-għażla tal-Knisja hija dik tal-fraternità, tas-sinodalità, għażla li tgħinna nifhmu li aħna lkoll aħwa. Huwa temm billi qal: “F’Knisja li fiha naraw lilna nfusna bħala aħwa, hemm lok għal kulħadd”.    

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-10/synod-the-beautiful-church-is-the-church-of-open-doors.html

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading