Fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, l-Papa Franġisku esprima “s-sogħba u t-tħassib” tiegħu għall-gwerra li faqqgħet bejn l-Iżrael u l-Ħamas, organizzazzjoni militanti Iżlamista li topera fil-Palestina. L-Papa jibki lil ħafna nies li nqatlu u ndarbu. “Nitlob għal dawk il-familji li raw jum ta’ ċelebrazzjoni jinbidel f’jum ta’ luttu u nitlob għall-ħelsien immedjat tal-ostaġġi,” qal.
Nhar is-Sibt, militanti mill-Ħamas nedew attakk sorpriża fuq in-naħa t’isfel ta’ Iżrael, hekk kif il-Lhud kienu qed jiċċelebraw il-festa ta’ ‘Simchat Torah’, jew ‘il-ferħ tat-Torah’. Il-Ħamas ħa għexieren ta’ ostaġġi waqt l-inkursjoni tiegħu f’Iżrael, u hedded li joqtolhom jekk Iżrael jattakka żoni fi ħdan il-Medda ta’ Gaża.
Fl-appell tiegħu, l-Papa Franġisku rrikonoxxa li “huwa d-dritt ta’ min jiġi attakkat li jiddefendi lilu nnifsu”. Madankollu, huwa esprima tħassib għall-“assedju totali li qed jiffaċċjaw il-Palestinjani f’Gaża, fejn qed ikun hemm ukoll ħafna vittmi innoċenti”.
Iżrael ħabbar “assedju komplet” fuq Gaża, u għalaq l-aċċess għall-elettriku, ikel, ilma u gass. Il-Papa stieden liż-żewġ partijiet biex jieqfu bit-tama li tinstab soluzzjoni għall-gwerra. “It-terroriżmu u l-estremiżmu ma jgħinux biex tintlaħaq soluzzjoni għall-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, iżda jkabbru l-mibegħda, l-vjolenza u l-vendetta, li jikkawżaw tbatija liż-żewġ naħat”, qal.
Il-Papa Franġisku temm l-appell tiegħu għall-paċi fil-Lvant Nofsani b’sejħa għall-fraternità u d-djalogu. “L-Lvant Nofsani m’għandux bżonn gwerra iżda paċi, paċi mibnija fuq il-ġustizzja, d-djalogu, u l-kuraġġ tal-fraternità”, qal.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-10/pope-francis-israel-gaza-war-appeal-holy-land.html