Mhux aħjar ninsewh, il-Ġublew?

Print Friendly, PDF & Email

Il-mixja lejn it-tama trid tibqa’ għaddejja

Jekk il-Ġublew 2025 ser ikun għalina biss okkażjoni ta’ festeġġament ta’ twelid, li seħħ elfejn sena ilu fir-raħal ċkejken ta’ Betlehem, bl-istess mod kif bosta jiffesteġġawh kull sena, anke jekk ma jemmnux fih, forsi ma jkunx aħjar li ninsewh il-Ġublew?

Jekk il-Ġublew 2025 ser ikun għalina okkażjoni biex inkomplu  nżidu n-numru ta’ laqgħat u ta’ ċelebrazzjonijiet u hekk nikkuntentaw ruħna bl-ammont ta’ dati li hemm immarkati fil-kalendarju tagħna, u xejn aktar, forsi ma jkunx aħjar li ninsewh il-Ġublew?

Jekk il-Ġublew 2025 ser ikun biss għalina skuża oħra biex norganizzaw ġita lejn Ruma, anke jekk insejjħulha pellegrinaġġ, forsi ma jkunx ahjar li ninsewh il-Ġublew?

Madankollu, anke jekk ninsew il-ġublew u ningassawh għal kollox mid-djarju, imma l-mixja tagħna lejn it-tama trid tibqa għaddejja. 

Jgħaddu l-2025 u jasal ġublew ieħor, u ieħor, u forsi ħafna oħrajn, imma t-tama trid tibqa’ hemm.   Mhix dik it-tama fierħa kif spiss fhimnieha meta tennejna kliem l-antenati tagħna, li min jgħix bit-tama jmut bil-piena. Le, dik mhux tama nisranija. It-tama vera hija dik li saħansitra quddiem kull xkiel, tkompli timla l-qalb bil-kuraġġ u tkebbisha b’nar li ma jikkunsmax. Għax it-tama taghna huwa Kristu. Hu jrid ikun iċ-ċentru ta’ kollox, mhux il-festeġġamenti jew l-attiviżmu.

Jalla fl-2025 ikun hemm min ikollu l-opportunità li jmur Ruma u jgħaddi mill-Porta Santa. Imma jeħtieġ nisħqu li anke dawk il-ħafna li ma jistgħux jagħmlu dan il-vjaġġ ser  ikollhom huma wkoll, sa minn issa stess, il-grazzja tal-Bieb Imqaddes tagħhom.

Forsi l-bieb tal-knisja tal-parroċċa tagħna fejn ningħaqad mal-oħrajn għas-sagriccju tal-quddiesa jew fejn spiss immur ninġabar fis-skiet fil-prezenza tal-Mulej, forsi dak mhux ukoll porta santa – bieb imqaddes?

Forsi l-bieb tal-isptar jew tal-kamra tal-marid fejn immur inżur lil Kristu miġruħ, forsi dak mhux ukoll bieb imqaddes?

Forsi l-bieb tad-dar tal-familja, fejn bħall-missier tal-parabbola, l-ommijiet u l-missirijiet ta’ żmienna, jistennew huma wkoll ħerqana, lil binthom jew binhom ġejjin lura biex jagħtuhom merħba u jgħannquhom magħhom, forsi l-bieb ta’ dik il-familja mhux ukoll bieb imqaddes?

Forsi l-vireg tal-bieb tal-ċella tad-detenut, ma jistgħux huma wkoll, bl-indiema fil-qalb, jiffurmaw għalih bieb imqaddes ieħor?

Il-Bieb Imqaddes veru tagħna huwa Kristu.  Huwa bieb, dejjem miftuh beraħ biex jilqa’ u jħaddan lil kull min , niedem u sogħbin jersaq biex jgħaddi minnu.

Dik hija l-vera tama tagħna.

Dan huwa l-veru Pellegrinaġġ tat-Tama.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading