Il-Kardinal Parolin se jagħmel id-diskors tal-Papa Franġisku fil-COP 28.

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa filgħodu, d-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede, Matteo Bruni, qal lill-ġurnalisti, li l-Kardinal Pietro Parolin se jirrappreżenta lill-Papa Franġisku fis-Summit COP28 f’Dubaj. “Nista’ nikkonferma li l-Kardinal Segretarju tal-Istat tal-Vatikan Pietro Paroli se jmexxi lid-Delegazzjoni tas-Santa Sede, li diġa’ huma preżenti f’Dubaj għall-COP28 biex is-Sibt, 2 ta’ Diċembru, iwassal il-kontribut li xtaq jippronunzja l-Qdusija Tiegħu,” qal is-Sur Bruni, fi tweġiba għall-mistoqsijiet mill-ġurnalisti.

Huwa żied jgħid, li l-Ħadd 3 ta’ Diċembru, l-Kardinal Parolin se jipparteċipa fl-inawgurazzjoni tal-Padiljun tal-Fidi f’Expo City f’Dubaj, flimkien mal-Kardinal Miguel Angel Ayuso Guixot, il-Prefett tad-Dikasteru għad-Djalogu Interreliġjuż.

Il-Papa Franġisku kien skedat li jagħmel il-Vjaġġ Appostoliku lejn Dubai bejn l-1-3 ta’ Diċembru biex jagħti l-appoġġ tiegħu għall-isforzi internazzjonali biex jitrażżan it-tibdil fil-klima. Nhar it-Tlieta, fuq il-parir tat-tobba tiegħu, ddeċieda li jħassar din iż-żjara, minħaba li qed ibati minn “bronkite akuta ħafna u infettiva”.

Meta tkellem mal-parteċipanti f’seminar dwar “L-Etika fl-Immaniġġjar tas-Saħħa”, l-Papa qal li ma għadx għandu deni, iżda kkonferma li għadu qed jieħu kura antibijotika. Waqt din il-laqgħa li saret il-Ħamis 2 ta’ Diċembru, l-Papa qal: “It-tabib ma ħalliniex immur Dubaj. Ir-raġuni hija li hemm sħana kbira, u li wieħed imur mis-sħana għall-arja kkundizzjonata mhuwiex konvenjenti f’din is-sitwazzjoni tal-bronki”.

Il-Papa tkellem b’mod ċar dwar il-ħtieġa li nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna, speċjalment fl-enċiklika tiegħu Laudato si’, maħruġa fl-2015. Iktar reċentement, il-Papa Franġisku ppubblika Eżortazzjoni Appostolika bl-isem Laudate Deum biex iġġedded is-sejħiet tiegħu għal amministrazzjoni responsabbli tal-Ħolqien. Laudate Deum fittxet ukoll li taġġorna lil Laudato si’ rigward il-bidliet li seħħew fit-tmien snin ta’ intervent.    

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-12/pietro-parolin-represent-pope-francis-dubai-cop28.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading