SEGRETERIJA ĠENERALI
TAS-SINODU
SEGRETERIJA ĠENERALI TAS-SINODU
XVI ASSEMBLEA ĠENERALI ORDINARJA TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET
Hawnhekk hawn miġburin l-indikazzjonijiet li ġew elaborati u approvati mill-Kunsill Ordinarju tas-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu, dwar il-passi li hemm bżonn isiru tul ix-xhur li se jwassluna għat-Tieni Sessjoni tal-Assemblea Sinodali (Ottubru 2024), biex titkompla l-mixja li ried u beda l-Qdusija Tiegħu nhar id-9 ta’ Ottubru, 2021: Lejn Knisja sinodali, Komunjoni, parteċipazjzoni, missjoni.

Il-proċess sħih tas-Sinodu 2021-2024 hu l-għajn ta’ ispirazzjoni biex titkompla l-mixja. Dawk li ħadu sehem fil-laqgħat sinodali fid-diversi livelli, ibda mill-fażi tas-smigħ u l-konsultazzjoni u aktar u aktar il-parteċipanti li ħadu sehem fl-Ewwel Sessjoni, għamlu esperjenza konkreta ta’ Knisja li tingħaraf mlil-pluralità tagħha u tgħix id-differenzi bħala għana fil-komunjoni. Din l-esperjenza hija kelma profetika magħmula lil dinja li ssibha bi tqila temmen li l-paċi u l-ftehim huma possibbli. Aħna msejħin u mistednin mill-Irxoxt, biex inħabbru l-Evanġelju lid-dinja tal-lum: nikbru bħala Knisja sinodali u b’mod konkret biex inwieġbu għal dis-sejħa u għal dil-missjoni.
Ix-xhieda ta’ min ħa sehem fl-Assemblea hi prezzjuża: dak li jirrakkuntaw jista’ jittrażmetti l-għana ta’ esperjenza li ebda test ma jista’ jiġbor fi kliem u li iżda, hu parti irrinunzjabbli mid-don li rċevejna. Il-laqgħa sinodali bejn l-aħwa li jagħrfu lil xulxin bħala dixxipli msejħin u mistednin mill-Mulej hija grazzja u għajn ta’ ferħ. Minn din l-esperjenza tinbet ix-xewqa li dan id-don naqsmuh mal-oħrajn biex f’dan id-dinamiżmu ninkludu għadd dejjem akbar ta’ persuni.
Minbarra f’dak li jirrakkuntaw dawk li ħadu sehem, il-frott tal-Ewwel Sessjoni hu miġbur fir-Relazzjoni tas-Sintesi, li kienet approvata fi tmiem il-ħidma u hija disponibbli f’għadd kbir ta’ lingwi fuq is-sit tas-Sinodu 2021-2024 (www.synod.va), li hu l-punt ta’ riferiment għall-mixja tal-Poplu t’Alla fiż-żmien ta’ bejn iż-żewġ Sessjonijiet. Il-proċess sinodali se jkompli b’mod partikolari fid-direzzjonijiet li b’modi differenti jinsġu flimkien it-tliet livelli li s’issa ħdimna fuqhom konsekuttivament: il-livell ta’ kull Knisja lokali, dak tal-gruppi tal-Knejjes (nazzjonali, reġjonali u kontinentali), u dak tal-Knisja kollha kemm hi. Kif fakkar il-Qdusija tiegħu meta approva l-metodu ta’ dil-ħidma, “Is-Sinodu hu dwar is-sinodalità mhux fuq dan jew dak is-suġġett…. L-importanti hu kif issir ir-riflessjoni, jiġifieri l-metodu sinodali”.
S’issa il-proċess mexa fuq dil-linja u dejjem fuq dil-linja għandna s-sejħa li niżviluppaw il-ħidma tal-Ewwel Sessjoni li tulha l-Assemblea affrontat b’mod sinodali temi ta’ rivlevanza, li fihom kien hemm qbil, ġew indikati materji li għad irid isir aktar studju dwarhom u saru wkoll proposti. Huma materji ta’ sustanza kbira, li wħud minnhom għandha teżaminahom il-Knisja kollha kemm hi b’kollaborazzjoni mad-Dikasteri tal-Kurja ta’ Ruma, bħalma hu, per eżempju, l-istudju preliminari li jolqot l-aġġornament taċ-CIV u taċ-CCEO (Relazzjoni tas-Sintesi, kap. 1 ittra r), tar-Ratio fundamentalis dwar il-formazzjoni tal-ministri ordnati (kap. 11 ittra j), tad-dokument Mutuae relationes (kap. 10 ittra g); jew l-approfondiment tar-riċerka teoloġika u pastorali dwar id-djakonat, u b’b’mod aktar speċifiku, dwar l-ammissjoni tan-nisa għad-djakonat (kap. 9 ittra n), eċċ. Peress li dawn huma frott il-ħidma tal-Assemblea sinodali, lista ta’ dawn is-suġġetti se tingħata lill-Qdusija Tiegħu. Gruppi ta’ esperti mill-kontineti kollha, bis-sehem tad-Dikasteri kompetenti tal-Kurja ta’ Ruma u f’dinamiżmu ekkleżjali koordinat mis-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu, huma msejħin biex jaħdmu b’mod sinodali fuq dawk it-temi li se jindika l-Papa. Waqt it-Tieni Sessjoni, f’Ottubru 2024, se tkun preżentata relazzjoni dwar fejn waslet din il-ħidma.
1. Mistoqsija gwida għall-approfondiment
Il-Knejjes lokali u l-gruppi tal-Knejjes, qabel kollox, għandhom is-sejħa li jikkontribwixxu, jidħlu aktar fil-fond ta’ xi aspetti tar-Relazzjoni tas-Sintesi, aspetti fundamentali għat-tema tas-Sinodu ibda minn misotqsija gwida:
“KIF inknu Knisja sinodali f’missjoni?”
L-għan hu li jidentifikaw it-toroq li rridu nterrqu u l-istrumenti li hemm bżonn nadottawfid-diversi kuntesti u fid-diversi ċirkustanzi, biex nivvalorizzaw l-oriġinalità ta’ kull mgħammed u ta’ kull Knisja fil-missjoni waħdanija tat-tħabbir tal-Mulej Irxoxt u l-Evanġelju tiegħu lid-dinja tal-lum. Għalhekk dan mhux eżerċizzju biex naraw biss kif se ntejbu t-teknika u l-proċeduri biex l-istrutturi tal-Knisja jsiru aktar effiċjenti, imma biex issir ħidma dwar forom konkreti ta’ mpenn missjunarju li aħna msejħin għalih, f’dinamiżmu bejn l-għaqda u d-diversità tipiċi ta’ Knisja sinodali.
Rigward dan ikun ta’ għajnuna wieħed jerġa’ jaqra n-numru 27 tal-Eżortazzjoni Appostolika Il-Ferħ tal-Vanġelu: “ Noħlom li nagħmlu għażla missjunarja li kapaċi tibdel kull ħaġa, biex hekk id-drawwiet, l-istili, il-ħinijiet, il-lingwaġġ u kull struttura ekkleżjali jsiru kanal tajjeb għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja tal-lum, iktar milli għall-awtopreservazzjoni. Ir-riforma tal-istrutturi, li titlob konverżjoni pastorali, nistgħu nifhmuha biss f’dan id-dawl: nagħmlu mod li dawn kollha jsiru iżjed missjunarji, li l-pastorali ordinarja fil-livelli kollha tagħha tkun iktar wiesgħa u miftuħa, li tqiegħed lill-aġenti pastorali f’atteġġjament kontinwu ta’ “ħruġ” u hekk tiffavorixxi t-tweġiba pożittiva ta’ dawk kollha lil lilhom Ġesù joffri l-ħbiberija tiegħu. Kif qal Ġwanni Pawlu II lill-Isqfijiet tal-Oċeanja, “kull tiġdid fil-Knisja għandu jkollu bħala għan tiegħu l-missjoni, biex ma jisfax priża ta’ atteġġjament fejn il-Knisja tħares biss lejha nfisha”. Ix-xefaq li lejh timmira l-ħidma ta’ approfondiment, ibda mill-mistoqsija gwida, hu għaldaqstant riforma animata mill-entużjażmu lejn il-missjoni li Kristu ħalla f’idejna, sostnuta mill-konverżjoni pastorali li l-Ispirtu, li skont il-wegħda tal-Mulej qatt ma jerħina waħedna, jistedinna ntemmu u nagħmluha possibbli.
1.1 Iż-żewġ livellli ta’ approfondiment
Il-mistoqsija-gwida titlob li neżaminawha fuq żewġ livelli, dejjem b’riferiment għar-Relazzjoni tas-Sintesi fl-assjem tagħha
- Fil-livell ta’ kull Knisja lokali: KIF nivvalorizzaw il-korresponsabbiltà differenzjata fil-missjoni tal-membri kollha tal-Poplu t’Alla? Liema mod ta’ relazzjoni, strutturi, proċessi ta’ dixxerniment u deċiżjonijiet dwar il-missjoni jippermettulna nagħrfuha, intuha forma, immexxuha ‘l quddiem? Liema ministeru, orgniżmi ta’ parteċipazzjoni jistgħu jiġġeddu jew jinħolqu, biex nesprimu aħjar dil-korresponsabbiltà? Fir-Relazzjoni tas-Sintesi wieħed jista’ jirreferi għal dan fil-kapitli 8-12, 16 u 18.
- Fuq il-livell tar-relazzjonijiet bejn il-Knejjes, gruppi ta’ Knejjes fid-diversi livelli u mal-Isqof ta’ Ruma: KIF nistgħu nanalizzaw bil-kreattività dawn ir-relazzjonijiet biex insibu “ekwilibriju dinamiku bejn id-dimensjoni ta’ Knisja fis-sħuħija tagħha u kif tista’ tagħmel l-għeruq lokalment (Relazzjoni tas-Sintesi kap. 5, ittra g)? Ir-Relazzjoni tas-Sintesi tirreferi għal dan fil-kap. 13, 19 u 20).
1.2 Xi suġġerimenti għall-organizzazzjoni tal-ħidma
Fil-prattika, ibda mill-mistoqsija gwida u fiż-żewġ livelli msemmija aktar ‘il fuq, kull Knisja lokali hi mistiedna twessa’ aktar il-konsultazzjoni, u tiddeċiedi b’liema mod konkret tista’ taħdem fiż-żmien li għandha għad-dispożizzjoni. L-ewwel pass jikkonsisti fl-għażla tal-perspettiva li biha teżamina l-mistoqsija gwida, billi tiżviluppa l-kontenut tar-Realzzjoni tas-Sintesi relattiv. Realistikament, ma jistax ikun li jsir studju dwar l-implikazzjonijiet kollha. Għalhekk, kull Knisja lokali hi mistiedna tikkonċentra fuq dawk l-aspetti li jidhrilha li bihom tkun tista’ tagħti kontribut a bażi tal-karatteristiċi u l-esperjenza propji tagħha, u taqsam mal-Knejjes l-oħra d-drawwiet tajbin tagħha, li jirrappreżentaw iż-żerriegħa tas-sinodalità konkreta. A bażi tad-deċiżjoniet li ttieħdu, kull Djoċesi jew Eparkija tgħaddi l-frott ta’ dil-konsultazzjoni mwessa’ lill-Konferenza Episkopali jew lill-Istruttura Ġerarkika Orjentali li tifforma parti minnha, fiż-żmien u bil-mod kif ikunu indikati lilha.
Ma jfissirx li rridu nerġgħu nibdew kollox mill-bidu jew nirrepetlu l-proċess tas-smigħ u tal-konsultazzjoni li kkaratterizzaw l-ewwel fażi. F’din it-tappa, minbarra l-organiżmi ta’ parteċipazzjoni fuq livell djoċesan u l-équipe sinodali li diġà mwaqqfa, importanti li jkunu mistiedna jagħtu kontribut ukoll persuni u gruppi li jesprimu varjetà ta’ esperjenzi, kompetenzi, kariżmi, ministeri fi ħdan il-Poplu t’Alla u li l-opinjoni tagħhom tkun ta’ għajnuna partikolari biex ikun iċċarat “il-kif”: per eżempju, ministri ordnati, (partikolarment il-kappillani); oħrajn responsabbli mill-pastorali (per eżempju, katekisti u min hu responsabbli mill-komunità tal-bażi u komunitajiet żgħar ta’ nsara, partikolarment f’xi reġjuni; min hu responsabbli fl-uffiċċji pastorali; irġiel u nisa konsagrati; min hu responsabbli mill-Assoċjazzjonijiet lajkali, Movimenti ekkleżjali u komunitajiet ġodda; persuni li għandhom responsabbiltajiet f’istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet magħqudin mal-Knisja (skejjel, universitajiet, sptarijiet, ċentri ta’ akkoljenza, ċentri kulturali, eċċ); teoloġi, kanonisti, eċċ.
Il-Konferenzi Episkopali u l-Istrutturi Ġerarkiċi Orjentali huma l-entitajiet ta’ riferiment f’dil-parti tal-proċess u huma mistednin biex jikkoordinaw il-ġabra ta’ kontenuti tad-Djoċesijiet u l-Eparkiji, u jiddeċiedu l-metodi u t-time table. Huma mistednin ukoll biex imexxu l-approfondiment, ibda mill-istess mistoqsija gwida, fil-livell tagħhom u fuq dak kontinentali, skont kif iqisu li hu opportun u fattibbli.
Fuq livell, kemm lokali kif ukoll fil-gruppi tal-Knejjes, il-perspettiva ta’ dixxerniment awtentikamnet sinodali tesiġi wkoll il-kontribut tal-kompetenza teoloġika u kanonista, mibnarra dik tax-xjenzi umani u soċjali bl-involviment ta’ esperti f’dawn id-dixxiplini u ta’ istituzzjonijiet akkademiċi preżenti fit-territorju.
Wara li jkun ġabru l-kontribuzzjonijiet tad-Djoċesijiet u tal-Eparkiji, il-Konferenzi Episkopali u l-Istrutturi Ġerarkiċi Orjentali, kif ukoll id-Djoċesijiet li ma jiffurmawx parti minn ebda Konferenza Episkopali, għandhom id-dmir li jelaboraw sintesi ta’ tul massimu ta’ 8 paġni, li għandu jasal għand is-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu sal-15 ta’ Mejju, 2024. A bażi tal-materjal miġbur jiġi mfassal l-Instrumentum laboris tat-Tieni Sessjoni.
- Inżommu ħaj id-dinamiżmu sinodali
Illi nħarsu u nagħtu ħajja lid-dinamika sinodali li ħa sehem fiha l-Poplu t’Alla kollu tul dawn l-aħħar sentejn, hu importanti daqs il-ħidma ta’ approfondiment u konsultazzjoni msemmija aktar ‘il fuq. Anzi, l-Ewwel Sessjoni wriet li hi prijorità “li jitwessa l-għadd ta’ persuni involuti fil-mixjiet sinodali, u li ngħelbu l-ostakli li tfaċċaw s’issa” (Relazzjoni tas-Sintesi kap. 1 ittra m), billi nindikaw metodi diversi u gruppi ta’ persuni li għandna nagħtuhom widen, fosthom dawk tal-ambjent diġitali.
Għal dan il-għan, il-Knejjes lokali huma mistiedna wkoll biex jerġgħu jiflu r-Relazzjoni tas-Sintesi kollha kemm hi u jisiltu minnha l-istimoli li l-aktar jidher li jgħoddu għas-sitwazzjoni tagħhom. A bażi ta’ dan jistgħu jippromwovu inizjattivi li jidhrilhom f’lokhom biex jinvolvu l-Poplu t’Alla kollu(attivitajiet formattivi approfondimenti teoloġiċi, ċelebrazzjonijiet bi stil sinodali, konsultazzjoni mal-bażi, smigħ tal-popolazzjonijiet minoritarji u ta’ gruppi li jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ faqar u emarġinazzjoni soċjali, wisa’ biex issir diskussjoni wkoll dwar kwistjonijiet kontroversjali, eċċ), bl-użu ta’ metodi li diġà ntużaw b’suċċess waqt l-ewwel fażi, partikolarment il-konversazzjoni fl-Ispirtu. Il-Kongregazzjonijiet reliġjużi, l-Istituti tal-ħajja konsagrata, l-Assoċjazzjonijiet lajkali, il-Movimenti ekkleżjali u l-Komunitajiet il-ġodda, li jistgħu jagħtu kontribut lill-ħidma tad-Djoċesijiet u tal-Eparkiji li fihom huma preżenti. L-iskop hu li jinżamm ħaj dak id-dinamiżmu ta’ smigħ u djalogu ma’ kulħadd, b’mod partikolari ma’ min jibqa’ dejjem fit-truf tal-ħajja tal-Knisja, li nbeda mill-ewwel fażi tal-proċess sinodali u li ta frott importanti.
Kull Knisja lokali li tixtieq, tista’ tgħaddi testimonjanza fil-qosor tal-ħidma mwettqa u tal-esperjenzi mgħejxa (mhux aktar minn żewġ faċċati), biex taqsam mal-oħrajn id-drawwiet tajba li jidhrilha li huma ta’ ċertu importanza biex joktor id-dinamiżmu sinodali missjunarju, lill-Konferenza Episkopali jew lill-Istruttura Ġerarkika Orjentali. Ikunu mbagħad il-Konferenzi Episkopali u l-Istrutturi Ġerarkiċi orjentali li jgħaddu dawn ir-riżultati lis-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu dejjem mhux aktar tard mill-15 ta’ Mejju, 2024.
Dawn il-kontribuzzjonijiet mhux se jkunu direttament materja ta’ dixxerniment tal-Assemblea waqt it-Tieni Sessjoni, imma, xorta waħda se jkunu disponibbli għall-membri li se jkunu qed jieħdu sehem. L-għan tagħhom hu li jkunu ta’ għajnuna u jiffurmaw qafas biex ikun bażi għall-ħidma tal-Assemblea. Il-qsim ta’ esperjenzi u drawwiet tajba jista’ wkoll iqanqal dinamika ta’ laqgħa u kollaborazzjoni bejn il-Knejjes li jħossu li huna msejħin biex jiddiskutu dawn l-istess punti.
- Min hu responsabbli u d-dmirijiet tagħhom
Ir-responsabbli ewlenin tal-mixja bejn iż-żewġ Sessjonijiet tal-Assemblea huma l-Knejjes lokali kollha singolarment u kollettivament. F’dil-fażi kull Isqof djoċesan jew eparkiku għandu rwol insostitwibbli biex jixpruna: hu dmir tiegħu jiftaħ u jakkumpanja din il-konsultazzjoni miżjuda fid-Djoċesi jew l-Eparkija tiegħu, u jikkorrobora r-riżultati.
Biex jitmexxa u jkun animat dal-proċess, nissuġġerixxu li jingħata valur lill-kontribut mogħti mill-membri tal-Assemblea sinodali ġejjin minn kull territorju, minbarra dak tal-équipe sinodali mwaqqfin fil-fażijiet ta’ qabel fid-diversi livelli.
Il-Konferenzi Episkopali u l-Istrutturi Ġerarkiċi Orjentali huma mitluba jimpenjaw ruħhom direttament fil-ħidma ta’ approfondiment fil-livell tagħhom u biex ikunu huma li jikkoordinaw il-Knejjes lokali.
- Dwar il-ħidma ta’ approfondiment ibda mill-mistoqsija gwida, il-Konferenzi Episkopali u l-Istrutturi ġerarkiċi Orjentali huma mitlubin:
- jakkumpanjaw dal-proċess billi u joffru lill-Knejjes lokali l-indikazzjonijiet meħtieġa dwar il-mod u -żmien tal-konsultazzjoni
- jieħdu ħsieb l-approfondiment tal-mistoqsija gwida fuq il-livelli tal-gruppi tal-Knejjes, skont il-metodi li jidhrilhon l-aħjar
- jelaboraw is-sintensi tal-kontribuzzjonijiet li jaslulhom u jgħadduhom lis-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu sal-15 ta’ mejju, 2024.
- Dwar l-impenn biex jinżamm ħaj id-dinamiżmu sinodali, il-Konferenzi Episkopali u l-Istrutturi Ġerarkiċi Orjentali huma mitlubin:
- ikomplu jippromwovu inizjattivi biex jikbru bħala Knisja sinodali f’missjoni anki fil-livell tal-gruppi tal-Knejjes;
- jiġbru t-testimonjanzi u d-drawwiet tajba li d-Djoċesijiet u l-Eparkiji jixtiequ jaqsmu mal-oħrajn u jwassluhom kollha, sħaħ (mhux f’forma ta’ sintesi), lis-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu, dejjem sal-15 ta’ Mejju, 2024.
Mill-Vatikan, 11 ta’ Diċembru, 2023
Miġjub għallMalti mit-Taljan minn Joe Huber