Ma ġġibhiex żewġ magħhom!

Il-Ġimgħa, 15 ta’ Diċembru 2023: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Ġimgħa tat-tieni ġimgħa tal-Avvent. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Kemm hu realistiku l-kliem ta’ Ġesù, u attwali, għax din hi esperjenza wkoll li narawha fi żmienna. Hawn Ġesù qed jgħid fuq ċerti nies li jilmentaw fuq kollox, u ma jogħġbohom xejn. Ġwanni l-Battista kien bniedem awster, anke f’li jiekol u jixrob, u fuqu qalu: “għandu fih xitan” (Mt 11:18). Għalihom kien stramb. Warajh ġie Ġesù, li kien jiekol u jixrob, u kien ukoll jiekol u jixrob mal-midinbin, u fuqu qalu: “Araw xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pagani u l-midinbin” (Mt 11:19). Ma ġġibhiex żewġ magħhom!

Dan li qed jgħid hawnhekk Ġesù hu, fil-fatt, kultant l-esperjenza anke fi żmienna. Imma l-punt li qed jagħmel Ġesù hu li ma kienx tort ta’ Ġwanni l-Battista jew tiegħu, imma kien għaliex dawn in-nies kienu jqisu ruħhom ġusti, aħjar mill-oħrajn, u għalhekk jikkritikaw lil kulħadd. Dak kien li minnu għadda Ġesù kontinwament fil-ħajja tiegħu.

X’kienet ir-raġuni? Dawn in-nies kienu mmexxijin mill-preġudizzji tagħhom. Kellhom għamad quddiem għajnejhom li ma jħallihomx jaraw r-realtà sħiħa. Kienu mogħmijin mill-preġudizzji li kellhom. Kellhom kontra Ġesù. Il-preġudizzji hekk jagħmlulek: ma jħallukx tara ċar. Għalhekk  Ġesù jgħid, u jispjegaha b’mod tajjeb ħafna, li n-nies jifhmu – tant kellhom preġudizzji li jxebbaħhom ma’ dawk it-tfal li jgħidu lil sħabhom: “daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux, għannejnielkom għanja ta’ niket u ma bkejtux!” (Mt 11:17) Jiġifieri tagħmel x’tagħmel għalxejn. Fil-fatt din kienet l-esperjenza ta’ Ġesù. Imma hu jgħid: “l-għerf ta’ Alla tawh raġun l-opri tiegħu stess” (Mt 11:19).

Kien skomdu Ġesù quddiem dan-nies? Iktar minn skomdu, iddispjaċih li jara dan-nies immexxjin mill-preġudizzji, u għalhekk lanqas jistgħu jaraw ċar. Dejjem kontra. Imma Ġesù jgħid: “l-għerf ta’ Alla tawh raġun l-opri tiegħu stess”. Jiġifieri, mhux mill-kliem waħdu, imma jekk jaraw dak li jagħmel, jindunaw fejn qiegħed l-għerf ta’ Alla, fejn qiegħda l-preżenza ta’ Alla. Ġesù tant għamel mirakli, tant wera l-qawwa ta’ Alla! Imma min ikollu l-preġudizzji ma jibqax jara ċar.

X’inhu l-messaġġ li qed jagħti Ġesù lilna llum fil-ħajja tagħna? L-ewwel nett, lilna jħeġġiġna biex ikollna qalb li tilqa’ l-kelma tiegħu, u li tagħraf il-preżenza tiegħu, fejn qiegħda l-preżenza tiegħu illum fl-opri tiegħu li naraw. Imma jrid ikollna qalb miftuħa biex lilu naċċettawh. Ġesù jurina wkoll kemm hu importanti li aħna noqogħdu attenti ma nkunux immexxijin mill-preġudizzji li jagħlqulna għajnejna għall-ġid u jagħmluna biss nikkritikaw lil ħaddieħor u kollox naraw ħażin. Irridu noqogħdu attenti għax il-preġudizzji jintirtu u jittieħdu. Speċjalment, wieħed irid joqgħod attent mill-media u l-media soċjali li tant fihom ġid imma kultant ikun hemm tant preġudizzji li jittieħdu u li ma jgħinukx tara ċar.   L-iktar importanti għall-ħajja tagħna hu li aħna, bl-għajnuna ta’ Alla, nagħrfu nagħmlu dak li hu sewwa, u ma naqtgħux qalbna minħabba kritika li ssir meta qed nagħmlu dak li hu sewwa. Ma nfittxux li ningħoġbu – għax dak ikun l-agħar, jekk infittxu li ningħoġbu. Infittxu li nagħmlu dak li hu sewwa, anke jekk se jkun hemm min – bħalma kellu l-esperjenza Ġesù – tagħmel x’tagħmel għalxejn miegħu jew magħha.

Nitolbu lill-Mulej biex lilna jippurifika mill-preġudizzji tagħna; biex jgħinna ħalli jkollna qalb li tilqgħu, li tgħożżu, u li tagħraf il-preżenza ta’ Alla fis-sinjali tiegħu fl-Istorja llum.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading