L-Erbgħa, 20 ta’ Diċembru 2023: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi waqt ċelebrazzjoni tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport. Knisja Parrokkjali, Pembroke.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi
Il-ġrajja tat-tħabbira ta’ Ġesù, meta Marija rċeviet l-aħbar u l-istedina biex hi ssir Omm Alla, hawn min isejħilha l-ikbar ġrajja fl-istorja tal-umanità. Dan għax meta Marija aċċettat li ssir Omm Alla, tnissel fiha Ġesù, u għalhekk Alla daħal b’mod mill-iktar speċjali fl-istorja tal-bniedem.
Nixtieq li nħarsu lejn din il-ġrajja u naraw Marija x’tgħallimna. Fil-fatt, hemm ħafna li tista’ tgħallimkom lilkom li intom attivi f’diversi oqsma tal-isport fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport. Ħa nsemmi tliet punti.
Alla sebbaħ lil ħajjitha
L-ewwel nett Marija turina li meta aħna niftħu qalbna għal Alla u nħalluh imexxi l-ħajja tagħna, il-ħajja tagħna tkun isbaħ u aħjar. Marija kienet diġà persuna li temmen, imma hawnhekk irċeviet aħbar speċjali. Għall-bidu ma fehmitx, mhux kollox setgħet tara ċar, imma meta għarfet li kien messaġġ minn Alla, qalet: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38); u hemmhekk tnissel fiha Ġesù u hi saret Omm Alla.
Dejjem hekk baqgħet tgħix, baqgħet tgħid l-istess kliem: “jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek”, u baqgħet tgħid dan anke f’mumenti diffiċli u ta’ tbatija fil-ħajja tagħha, u baqgħet tgħid dan b’fedeltà sal-aħħar.
L-ewwel ħaġa li Marija tgħallimna lilna lkoll hi li Alla jagħmel il-ħajja tagħna aħjar. Jekk jiena attiv jew attiva f’xi sport – hawn xi għoxrin dixxiplina differenti fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport – Alla jgħinni biex inkun aħjar fl-isport tiegħi. Mhuwiex b’xi mod tfixkil, jew ostaklu, imma għajnuna kbira. Jgħinni biex fl-isport ngħix dawk il-valuri li jmexxuni ’l quddiem. Anke jekk int trid tirsisti ħafna u tittrenja ħafna fl-isport, il-preżenza ta’ Alla tgħinek biex tirsisti aktar, tittrenja sew u fl-aħħar mill-aħħar biex tkun sportiv jew sportiva aħjar. Dan hu li tgħallimna Marija għall-ħajja tagħna.
Qatt ma tkabbret
X’tgħallimna iżjed Marija? Hi kellha l-ikbar sejħa – li tkun Omm Alla – imma nnutaw: qatt ma tkabbret. Baqgħet persuna umli, ta’ ħajja ordinarja, tgħix il-ħajja normali mal-oħrajn. Ftit wara dil-ġrajja, lil Marija nsibuha tgħid “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1:46). Mhux titkabbar hi, mhux tfaħħar lilha nnifisha, imma tfaħħar lill-Mulej.
Aħna wkoll, inkunu kemm inkunu tajbin fl-isport tagħna – u għandna dejjem nirsistu biex nagħmlu success u nagħmlu mill-aħjar – qatt ma għandna nitkabbru. Anzi, għandna dejjem infaħħru lill-Mulej li jagħtina l-għajnuna biex inkunu aħjar. U nagħmlu bħal Marija. Kull meta jkollna sodisfazzjon li l-affarijiet mexjin tajjeb, bħal Marija ngħidu: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”. B’hekk ħajjitna tkun tassew bħal tagħha – ħajja ta’ tifħir lill-Mulej għal dak li jagħmel magħna.
Qatt ma ngħalqet fiha nnifisha
X’turina iktar Marija? Wara li l-anġlu taha l-aħbar u hi aċċettat li tkun Omm Alla, Marija marret biex tiltaqa’ ma’ Eliżabetta. Il-kelma eżatta fl-Evanġelju hi “marret tħaffef” – telqet bil-ġirja u b’ħeġġa biex tkun mal-kuġina tagħha, biex taqsam magħha l-aħbar sabiħa u anke tagħtiha wkoll l-għajnuna. Dan għax il-preżenza ta’ Alla f’ħajjitna qatt ma tagħlaqna fina nfusna, imma dejjem tgħinna nkunu aktar miftuħa għall-oħrajn, ħbieb mal-oħrajn, ngħinu lill-oħrajn, naraw x’għandhom bżonn l-oħrajn.
Ara kemm hi sabiħa din ix-xhieda ta’ Marija! Hi kellha l-isbaħ u l-aqwa ħaġa, imma flok qagħdet waħedha, tieħu gost biha nnifisha, marret għand Eliżabetta biex tkun magħha u tagħmel żmien magħha. Dejjem hekk narawha lil Marija: tieħu gost tkun ta’ għajnuna għall-oħrajn.
Nixtieq nitlob biex intom tieħdu l-eżempju sabiħ ta’ Marija għall-ħajja tagħkom kif smajna llum fl-Evanġelju, ukoll waqt l-impenn tagħkom fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport. Illum qegħdin flimkien għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, u nixtieq inħeġġiġkom ħafna biex b’mod regolari tieħdu sehem fil-quddiesa li għandha tkun esperjenza sabiħa fejn Alla dejjem jagħtina l-barka u l-għajnuna tiegħu.
Nitolbu llum li Marija tgħinna nsaħħu r-rabta tagħna ma’ Alla, li jagħmel ħajjitna isbaħ u aħjar; tgħinna biex qatt ma nitkabbru f’ħajjitna imma nkunu bħalha umli; u tgħinna biex inkunu dejjem miftuħa għall-oħrajn, ħbieb tal-oħrajn, u ta’ għajnuna speċjalment għal dawk li huma l-aktar fil-bżonn.
Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju