NINGĦAQDU GĦALL-MISSIO

Addattament Claudia Cini

Matul is-snin, bil-fondi miġbura mill-maratona, mill-Ġurnata Missjunarja u minn diversi attivitajiet oħra li jiġu organizzati matul is-sena, Missio rnexxielu jisponsorja għexieren ta’ proġetti li huma mferrxin fil-kontinenti kollha u jinkludu fost oħrajn, irziezet, skejjel, kliniċi u spieri.

Permezz ta’ dawn il-proġetti qed jibbenefikaw komunitajiet sħaħ u mhux biss individwi. Din is-sena Missio ser jiffoka l-għajnuna tiegħu fi proġetti fil-Kontinent Afrikan, fosthom fl-Uganda. Segwi l-maratona fuq wieħed mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni Maltin fejn tista’ tikseb aktar informazzjoni, tisma’ u tara stejjer, u fl-istess ħin tagħti d-donazzjoni tiegħek. Tistgħu wkoll tiġu intom stess bl-offerta tagħkom waqt il-maratona fil-‘WE Media Studios’, Ħal Qormi, jew iċċemplu fuq in-numri li jintwerew fuq l-iskrins tat-televiżjoni.

Tistgħu wkoll tisponsorjaw xi proġett żgħir. Possibiltà oħra hija li tingħata offerta ‘on line’ fuq http://www.missio.org.mt. Voluntiera minn Missio ser ikunu qed jiġbru l-offerta tagħkom minn djarkom waqt il-ħin tal-maratona. Segwina bejn 11am u 11pm, biex flimkien nagħtu s-sehem tagħna. Dawk l-Għawdxin li jixtiequ jagħtu d-donazzjoni tagħhom personalment, jistgħu jagħmlu dan billi jmorru fl-Uffiċċju Missjunarju tar-Rabat, Għawdex li se jkun miftuħ sabiex jilqa’ d-donazzjonijiet bejn nofsinhar u t-8 pm.

Ejjew mela ningħaqdu lkoll flimkien ghal Missio biex niġbdu ħabel wieħed u nuru solidarjetà ma’ dawn ħutna, li jgħixu f’artijiet tal-missjoni. Kull donazzjoni, żgħira kemm hi żgħira, hija apprezzata, għaliex kif jgħid il-qawl Malti: Bil-qatra l-qatra timtela l-ġarra!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading