PROBLEMA  JEW  INKONVENJENT?

Kitba ta’ Edward Tagliaferro

Kont għadni kif iggradwajt u ma sibtx xogħol kif xtaqt jien mill-ewwel. Meta sibt xogħol part-time bħala night receptionist f’hotel, aċċettajt mill-ewwel. Ma kontx immur tajjeb mal-manager. Kont inqisu xi faxxist li moħħu kien kif se jaħqar il-klassi tal-ħaddiema.  Per eżempju, kien jippermetti li l-impjegati jkollhom ikla waħda. Din kuljum kienet tikkonsisti f’żewġ zalzettiet,  ponn sauerkraut u biċċa ħobż niexfa. Kuljum l-istess.  Il-vili hi li kien inaqqas l-ispiża tagħha mill-paga!

Kull nhar ta’ Ġimgħa, kien jidħol  għax-xogħol, Sigmund Cohen,  anzjan li kien  jibbilanċja l-kontijiet.  Kien jidħol filgħaxija għax kien iħobb jaħdem fil-kwiet, u b’hekk ma jagħmilx xi żball u jkollu jħallas  għalih hu. Kien bniedem ta’ ftit kliem, imma llum deher li kellu aptit jitkellem.

Wara ftit, sar il-ħin biex nidħlu fil-kċina biex nieklu.  Sibt nota li tgħid li l-menu se jibqa’ l-istess għall-ġimgħa d-dieħla wkoll.  Daqshekk! Ma jistax ikun nibqgħu hekk. Bir-ragħwa f’ħalqi dort lejn Sigmund u għidtlu: “Ara naqra x’hawn? L-anqas jistħi wkoll! Taf x’se nagħmel? Se naqbad dal-platt zalzett bis-sauerkraut, nitla’ fuq, inqajjem il-manager u nwaddabulu għall-wiċċu!  Ħadd m’hu se jġegħelni niekol hekk.  Wara kollox, jien la nħobb iz-zalzett u l-anqas is-sauerkraut!” Dal-ħin kollu, Sigmund qagħad iħares skantat lejja. Wara ftit beda jxengel rasu u jħares lejja b’ħarsa ta’ niket. 

“Ludwig! Ludwig! Int taħseb li taf kollox u fil-fatt ma taf xejn.  Il-problema tiegħek m’hijiex iz-zalzett u s-sauerkraut, mhux il-manager u l-anqas dan il-job. imma li ma tafx x’inhi d-differenza bejn problema u inkonvenjent.  Inkonvenjent hu xi ħaġa li, minn hemm jew minn hawn tista’ tirranġaha; jew inkella tistaportiha xi ftit sakemm titlaq waħedha, e.g. in-nemus, is-sħana, il-bard, xi maltempata, nuqqas ta’ ftehim ma’ xi ħadd, eċċ. Il-ħajja mimlija minn dawn, anzi l-ħajja hi inkonvenjent.  Problema ħaġa oħra.  Jien għamilt sentejn f’kamp ta’ konċentrament, għax għalkemm jien Ġermaniż, missieri kien Lhudi.  Dik problema! Kull filgħodu nqum u ma nafx hux se nara jum ieħor. Ħdejn l-ikel li kienu jtuna hemm, platt zalzett bis-sauerkraut għalija pranzu rjali. Tkun miżżewweġ bit-tfal u titlef l-impieg. Dik problema! Tolqtok marda li ma titfejjaqtx…… u nista’ nibqa’ sejjer hekk sa għada filgħodu.  Itla’ fuq u waddab il-platt lill-manager. U mbagħad? Mhux ikeċċik?  Għandek job ieħor lest? Mela, tgħallem issepara konvenjent minn problema u tgħix aħjar u aktar.”

Qatt sa dakinhar ma sibt xi ħadd li laqatni fil-laħam il-ħaj. Tgħallimt lezzjoni għall-ħajti, tant li meta niltaqa’ ma’ xi saram, inġib quddiem għajnejja lil Sigmund ixengel rasu u jgħidli, “Ludwig, problema jew inkonvenjent?” Dan bdejt insejjaħlu is-Sigmund Test tal-verita’. Il-ħajja mimlija ħotob, imma issa sirt nirrrejalizza li, per eżemoju,  boċċa fil-patata maxx differenti ħafna minn boċċa fis-sider. Mhux għax ma kellix problemi. Imma dawn qistom bħali tali, u fejn intbaħt li ma nistax insolvihom waħdi, tlabt għajnuna professjonali.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading