PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-POLONIA
(16-23 TA’ ĠUNJU 1983)
BEATIFIKAZJONI TA’ MADRE URSZULA LEDÓCHOWSKA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Poznań, 20 ta’ Ġunju 1983
1. “Inti Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj!” (Mt 16, 16).
Irripetejt din l-istqarrija ta’ Pietru f’dak il-jum tat-22 ta’ Ottubru 1978, meta d-digrieti li ma nistgħux nifhmuhom tal-Providenza Divina, missewni biex nibda s-servizz fis-Sedja ta’ Pietru f’Ruma.
Illum nirripetiha hawn, f’Poznan, fil-post fejn din l-istqarrija ġiet ippronunzjata sa minn żminijiet l-iktar imbegħda fit-territorji tal-Piast, wara l-Magħmudija ta’ Mieszko fis-sena 966. Sa miż-żminijiet l-iktar antiki xuftejn l-Isqof kienu ppronunzjaw din l-istqarrija ta’ Pietru, ladarba diġa sentejn wara l-Magħmudija Poznan, l-ewwel fil-Polonja, “coepit habere episcopum”: bdiet ikollha l-Isqof tagħha.
“Inti Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj!”. L-istess stqarrija ta’ Pietru kienu tennew xuftejn missirijietna sa minn żminijiet antikissmi u l-qlub infetħu għar-Redentur tad-dinja, l-ewwel mhux magħruf, li bħala Iben ta’ Alla, mill-istess sustanza tal-Missier, sar bniedem u twieled mill-Verġni Marija.
2. Fuq din l-istqarrija ta’ Pietru sa mill-bidunett tibni lilha nfisha l-Knisja skont il-kliem ta’ Kristu: “Inti Pietru u fuq din il-blata se nibni l-Knisja tiegħi u l-bibien tal-infern ma jirbħuhiex” (Mt 16, 18). Hekk mela flimkien mal-istqarrija tal-ewwel Isqof fil-Polonja tal-Piast, li kien jismu Jordan, bniet lilha nfisha l-Knisja fuq l-art ta’ din Art Twelidna. Fis-sena tal-milleżmu l-Isqof Unger laqà f’Poznan u fi Gniezno lill-imperatur Ottone III u l-legati pontifiċi, li kienu ġew għal hekk imsejjaħ Konvenju ta’Gniezno, maġemb ir-relikwi tal-Martri San Adalbertu. Il-bini tal-Knisja f’Art Twelidna baqà għaddej. Twaqqfet il-Metropoli ta’ Gniezno u, u magħha marbutin, sedji veskovili ġodda fi Krakovja, Wroclasw u Kolobrzeg. Tikber il-komunità ta’ dawk li jirripetu l-istqarrija ta’ Pietru, minkejja li fil-lingwa materna l-qadima. “Inti Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj”. U sa mill-bidu, sa miż-żminijiet ta’ Mieszko, il-katedra veskovili ta’ Poznan tibqà bit-titlu ta’ San Pietru u san Pawl. Dawn huma wkoll il-patruni ta’ Poznan u l-figuri tagħhom isibu ruħhom fuq l-arma tal-belt.
3. Kbir huwa l-ferħ tiegħi li llum nistà nasal fil-Kastell ta’ Przemyslaw, waqt li qiegħed nagħmel il-pellegrinaġġ fil-Polonja għall-Ġublew f’Art Twelidi tas-Sinjura ta’ Jasna Gora. Kbir il-ferħ tiegħi li nistà nasal flimkien magħkom, għeżież ħuti, werrieta tal-millennju li għadda tan-Nazzjon u tal-Knisja, u tirrepetu l-istqarrija ta’ Pietru. Ġejt hawn bosta drabi, speċjalment fil-perjodu tas-servizz pastorali tal-metropolita ta’ Poznan, Antoni Baraniak, ta’ tifkira qaddisa, li l-qawwa pastorali tiegħu, li l-umiltà tiegħu u l-merti tiegħu magħrufa biss minn Alla indawruhom dejjem b’qima profonda.
Illum insellem lis-suċċessur tiegħu fis-sedja ta’ Poznan, koetanju fin-nomina veskovili tiegħi, l-Arċisqof Jerzy, l-Isqfijiet awżiljarji u r-rappreżetanti tal-Episkopat preżenti: il-Kardinal Primat, il-Kardinal Metropolita ta’ Krakovja, l-Arċisqfijiet kollha u l-Isqfijiert tal-Polonja. Insellem lill-Kapitlu Metropolitan, il-kleru kollu, l-Ordnijiet reliġjużi kollha maskili u femminili. Insellem lill-mistednin kollha li ġew minn Poznan minn barra l-arċidijoċesi.
Naf li l-post fejn ninsab kellu rwol fundamentali mhux biss fl-istorja tal-kristjaneżmu, imma wkoll fl-istorja tal-Istat u tal-kultura Pollakka. Il-Katidral tal-Qaddisin Pietru u Pawlu jixhed li, sa mill-bidu, f’din l-art tal-Piast u fil-Polonja kollha l-Knisja kienet magħquda ma’ Ruma. Ma’ Ruma, mhux biss bħala Sedja ta’ Pietru, imma wkoll bħala ċentru ta’ kultura. Għalhekk il-kultura Pollakka tippossiedi l-marki karatteristiċi speċjalment dawk Ewropej tal-Punent.
4. Jien kuntent li ninsab f’dan il-post, fiċ-ċentru tal-iktar art antika fost l-artijiet tal-Piast, fejn għal iktar minn elf sena ilu kellha l-bidu l-istorja tan-Nazzjon, tal-Istat u tal-Knisja.
Flimkien ma’ Kristu, li Pietru stqarr l-Iben ta’ Alla l-ħaj, waslu hawn il-Vanġelu u r-Rivelazzjoni kollha. Mill-abitanti ta’ din l-art ġiet konxjament milqugħa l-kelma tal-Ħallieq, ippronunzjata fil-bidu: Ikbru u mmultiplikaw rażżnu u ddominaw l-art (cf. Ġen 1, 28). Dan il-kliem rabat flimkien s-sejħa għall-ħajja familjari max-xogħol uman. L-antenati tagħna rażżnu l-art fuq dan it-territorju kbir tal-Polonja l-Kbira, billi qatgħu l-boskijiet, ikkultivaw l-għelieqi, bnew irħula u bliet.
Wara sekli ninsabu hawn xhieda tax-xogħol ta’ tant ġenerazzjonijiet. Kien hemm żmien li fih, fis-seklu XIX, dawn kellhom jissieltu għall-manteniment tal-post tagħhom tax-xogħol, f’din l-art tal-Polonja l-Kbira, fejn l-okkupanti riedu jeqirdu l-ispirtu nazzjonali. Minn dik l-epoka toħroġ t-tradizzjoni tal-irbit profond mal-art, it-tradizzjoni tal-kultivazzjoni nazzjonali razzjonali tal-art u t-tradizzjoni tal-organizzazzjoni soċjali, li kienu jassiguraw l-istat tal-pussess Pollakk. Simbolu tad-difiża ntransiġenti tad-drittijiet fundamentali tal-Pollakk u tal-bidwi saret il-karru ta’ Drzymala. Huma wkoll simbolu il-kunjomijiet tal-operaturi soċjali l-kbar, speċjalment tal-kleru, bħall-Arċisqof Florian Stablewski jew is-saċerdoti, tip ta’ Don Piotr Mawrzyniak. Sosten għalihom saret fi żmienha l-enċiklika Rerum Novarum ta’ Ljun XIII.
5. Għall-ġenerazzjoni kontemporanja tal-bnedmin tax-xogħol u fuq kollox tal-ħaddiemas tal-art, sosten simili tistà tkun l-enċiklika Mater et Magistra, ta’ Ġwanni XXIII: “. . . problema bażika li tinħoloq – jikteb fuqha l-predeċessur meqjum tiegħi hija din li ġejja: kif tipproċedi sabiex jitnaqqas l-iżbilanċ fl-effiċjenza produttiva bejn is-settur agrikolu min-naħa u s-settur industrijali u dak tas-servizzi mill-oħra, u sabiex il-livell tal-għixien tal-popolazzjoni agrikolo-rurali tkun iddistanzjata mill-inqas possibbli mil-livell tal-għixien taċ-ċittadini li jiksbu d-dħul tagħhom mis-settur industrijali u minn dak tas-servizzi; u dawk li jaħdmu l-art ma jkollhomx kumpless ta’ inferjorità; iżda jkunu persważi li wkoll fl-ambjent agrikolu-rurali jkunu jistgħu jaffermaw u jiżviluppaw il-persunithom permezz ta’ xogħolhom u jħarsu fiduċjużi lejn il-futur . . . Aħna nħobbu nesprimu s-sodisfazzjon tagħna lil dawk l-ulied li f’partijiet differenti tad-dinja huma mpenjati fl-inizjattivi koperattivistiċi, fl-assoċjazzjonijiet professjonali u fil-movimenti sindakali għall-elevazzjoni ekonomiko-soċjali ta’ dawk li jaħdmu l-art” (Ġwanni XXIII, Mater et Magistra, III).
6. Bdanakollu rrid nenfasizza dan il-kliem tal-enċiklika soċjali b’dak li smajt, fl-art pollakka, minn fomm il-mejjet Primat il-Kardinal Stefan Wyszynski. Kemm kienet kbira l-intuwizzjoni tiegħu għal dan l-irbit tal-bniedem mal-art, li jinsab fil-bażi tal-eżistenza tas-soċjetà kollha! Kemm ġustament huwa kien iwissi quddiem it-traskuratezza tal-biedja, quddiem l-esodu mill-art għall-urbanatezza eċċessiva! Kont tħoss fi kliemu kważi diwi ta’ dik it-tradizzjoni li tmur lura għaż-żminijiet tal-Piast, li huwa kien ħa mill-Bibbja: is-sejħa “rażżnu u ddominaw l-art”, u fl-attwazzjoni ta’ din is-sejħa kien ifittex il-konsolidament tal-pedamenti stess ta’ dan “ir-rasion d’etat” nazzjonali u statali ta’ Art Twelidu.
Hawn hu dak li qal il-Kardinal Wyszynski fit-2 ta’ April 1981 lir-rappreżentanti ta “Solidarjetà Rurali”: “Meta l-art hija miksija ħaxix l-ikbar irjieħ ma jirnexxilhomx itajruha faċilment, ukoll jekk din tkun ramlija. Imma meta l-art issir post mitluq, ikun faċli li tiġi mirbuħa . . . Mir-rumanz “Il-Bdiewa” ta’ Reymont nafu l-istorja kommoventi ta’ Botyna. Mewtu b’dirgħajh mifruxina fuq l-art u fit-tisfir tar-riħ: Sidna “ibqà magħna”, hija dehra tassew elokwenti. Meta wieħed jiltaqà mill-qrib iktar mal-qawwa spiritwali enormi, morali u soċjali tal-ambjent rurali, jara b’mod ċar kemm hija ġusta il-ġlieda għad-drittijiet tal-persuna umana, kemm motivata hija raġuni ulterjuri tar-rispett ta’ dawk id-drittijiet li jiġu mill-fatt tat-trażżin tal-art”.
Nawgura wkoll lilkom. Bdiewa tal-Polonja l-Kbira, lilkom bdiewa kollha ta’ Art Twelidi, li żżommu f’moħħkom dan il-kliem tal-Kardinal Wyszynski, bħala testment ta’ Pollakk kbir, ta’ maħbub kbir tal-art Pollakka u tan-Nazzjon Pollakk.
7. “Imbierek lill-Mulej kull ħin, / fuq fommi dejjem it-tifħir tiegħu. / Bil-Mulej tiftaħar ruħi, / Jisimgħu l-fqajrin u jifirħu (Sal 34, 2-3).
F’dan l-ewwel jum nixtieq b’mod speċjali nbierek il-Mulej, ladarba tani fostkom, għeżież konnazzjonali, il-poter li ngħolli għall-unuri tal-altari – permezz tal-beatifikazzjoni – lill-Venerabbli Qaddejja ta’ Alla, Madre Orsola Ledóchowska.
Bla dubju kbir huwa l-ferħ komuni tagħna, li matul il-Ġublew nazzjonali tas-Sinjura ta’ Jasna Gora u fl-istess ħin fl-isfera tas-Sena tar-Redenzjoni, tistà ssir din il-beatifikazzjoni. Għall-glorja tal-Beati tiġi mgħollija Bint tal-familja magħrufa Pollakka. Il-lokalità ta’ Lipnica Murowana (fid-dijoċesi ta’ Tarnów), ta’ fejn il-familja Ledóchowski kellha darha, hija l-istess lokalità li minnha kien, fis-seklu XV, il-Beatu Szymon minn Lipnica. L-oħt karnali ta’ Madre Orsola, Marija Teresa Ledóchowska, magħrufa komunament bħala l-“madre tal-Afrika s-sewda”, u fundatriċi tas-Sodalizju ta’ San Pietru Claver (Sorijiet Klaverjani), kienet ibbeatifikata diversi snin ilu minn Pawlu VI.
Il-vokazzjoni ta’ Orsola kienet iż-żgħożija u l-edukazzjoni tagħha, minbarra l-għajnuna multipla fix-xogħol pastorali tal-Knisja. Skopriet it-triq ta’ din il-vokazzjoni fil-Kunvent tas-Sorijiet Orsolini ta’ Krakovja. Fis-sena 1907 telqet minn hemm – bl-approvazzjoni tal-Papa Piju X – għax-xogħol apostoliku fil-Belt dak iż-żmien magħrufa bħala Pietroburgo, fir-Russja. Imġegħla tħalli r-Russja fl-1914, wettqet l-apostolat tagħhha fil-Pajjiżi Skandinavi u, fl-istess ħin, żviluppat azzjoni multipla favur Art Twelidha ttorturata. Meta, wara l-gwerra, talbet lill-Papa Benedittu XV biex japprova l-Kongregazzjoni l-ġdida, imwaqqfa b’mod tassew mhux tassoltu waqt l-Apostolat tagħha, irċeviet mingħandu l-approvazzjoni. Il-Prepositu ġenerali tal-Ġiżwiti ta’ dak iż-żmien, ħu karnali ta’ Madre Orsola, Patri Vladimiro Ledóchowski, kien il-kunsillier ta’oħtu fis-Sedja apostolika.
Influss kbir fuq il-ħajja tal-Beata u ta’ ħutha kellu zijuhom, il-Kardinal Mieczyslaw Ledóchowski, Arċisqof ta’ Gniezno-Poznan, Primat tal-Polonja u mbagħad Prefett tas-Sagra Kongregazzjoni tal-fidi. Huwa magħruf li, fil-ħabs ukoll, propju hawn f’Poznan, huwa oppona l-pulitka tal-“Kulturkamph” Prussjan, biex isalva l-fidi, l-ispirtu Pollakk u l-awtonomija tal-Knisja fil-Polonja; għal dan il-għan kien ippersegwitat u inkarċerat.
Hawn fi Pniewy, qrib Poznan, tinsab il-“Casa Madre” tal-Kongregazzjoni ta’ Ġesù Agonizzanti, komunament magħrufin bħala lOrsolini l-Griżi. Madre Orsola Ledóchowska kienet il-fundatriċi ta’din il-fergħa Pollakka tal-Orsolini, u wkoll tad-dar fi Pniewy. Il-Kongregazzjoni madankollu infirxet f’diversi partijiet tal-Polonja u barra mill-Ewropa. Kontemporanjament, Madre Orsola żvolġiet l-apostolat tagħha (wara talba tas-Sedja Apostolika f’Ruma, u hemm temmet il-jiem tagħha terreni, fid-29 ta’ Mejju 1939; hemm ukoll jinsab qabarha fid-Dar ġeneralizja fi triq Casaletto.
Waqt li ninnumeraw lil Madre Orsola Ledóchowska fl-album tal-beati, nikkonsenjaha lill-Knisja tal-Polonja u lill-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Orsolini, għall-glorja ta’ Alla, għall-elevazzjoni tal-erwieħ umani u għas-salvazzjoni eterna tagħhom.
8. “Inti Kristu, Iben Alla l-ħaj!”. Nerġà lura għall-kliem tal-istqarrija ta’ Pietru, li jerġgħu jidwu fl-istorja tal-Poplu ta’Alla fuq din l-art tal-Polonja l-Kbira, magħquda minn iktar minn elf sena madwar il-Katidral tal-Qaddisin Appostli.
Poznan il-kattolika ttenni l-kliem ta’ Pietru b’mod partikolari sa minn żmien l-indipendenza ta’ Art Twelidna, miksuba mill-ġdid fis-sena 1918, a bażi tal-għaqda ma’ Gniezno (li damet sal-1821), Poznan kienet dak iż-żmien ukoll is-sedja tal-Primat tal-Polonja. L-Isqarrija ta’ Pietru wriet ruħha, fl-istorja tal-belt, permezz tal-bini tal-monument lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Dan il-monument – bħala espressjoni ta’ ringrazzjament għall-Indipendenza miksuba mill-ġdid – inqered mill-invażjoni matul it-tieni gwerra dinjija.
Illum fuq dan il-post inbnew żewġt islaleb b’tifkira tal-vittmi tal-1956. Għal diversi għanijiet – a bażi tal-imgħoddi l-iktar remot u l-iktar riċenti – dan il-post huwa meqjum mis-soċjetà ta’ Poznan u tal-“Polonja l-Kbira”. Irrid mela jiena wkoll ninżel għarkubtejja f’dan il-post u nagħti qima.
9. Poznan! Il-Poznan tallum, belt ta’ tradizzjoni kbira. Belt li tiżviluppa fil-ħajja tan-Nazzjon stil speċjali ta’ bini tal-ġid komuni. Il-belt tal-istabilimenti industrijali l-kbar. Din hija l-belt tal-kultura universitarja kontemporanja. Il-belt li fiha b’mod għal kollox partikulari mmaturaw il-ħsieb soċjali kattoliku u l-istruttura nazzjonali tal-organizzazzjonijiet kattoliċi. Il-belt tal-ħafna publikazzjonijiet u tal-ħafna kumpaniji tal-pubblikazzjoni.
Nixtieq, li waqt li nżur Poznan fuq it-triq tal-pellegrinaġġ ta’ din is-sena, naraha mill-ġdid għal darb’oħra fid-dimensjonijiet tal-millennju, imma wkoll fid-dimensjonijiet tal-Ġublew ta’ Jasna Gora. U għalhekk b’qalbi kollha navviċina dan il-post li fih il-Prinċipessa Dobrawa, mart Mieszko u parrina tan-Nazzjon Pollakka bniet fuq Ostrow Tumski l-kappella tal-kastell, iddedikata lill-Verġni Imqaddsa Marija.
Din hija l-eqdem traċċa ta’ dan il-patrimonju kbir, li aħna nilqgħu fil-Ġublew nazzjonali sollenni ta’ din is-sena. Ta’ dan il-wirt li nixtiequ nwasslu fis-sekli suċċessivi.
Nieqaf mela f’dan il-post u nirrepeti: “Omm Alla, Verġni / Marija, li għal Alla int imfaħħra. / Mingħand Ibnek, Mulej / Ġibilma, itlob għalina / il-ħniena tiegħu (Kyrie eleison)”.
Qabel il-barka, indirizza lill-assemblea tislima qasira
Qabel l-aħħar barka, irrid insellem mill-ġdid għal darb’oħra lil dawk kollha preżenti, mhux biss lir-rappreżentanti tal-belt u tal-arċidijoċesi ta’ Poznan imma wkoll lill-pellegrini li ġew minn barra l-arċidijoċesi, b’mod speċjali mill-arċidijoċesi ġara ta’ Gniezno; mid-dijoċesi ta’ Wloclawek, flimkien mal-Isqof ordinarju u mal-Isqfijiet awżiljarji; mid-djoċesi ta’ Chelmno flimkien mal-Isqof ordinarju u mal-kollaboraturi tiegħu fl-Episkopat; mid-dijoċesi ta’ Gorzów, flimkien mal-Isqof Monsinjur Wilhelm Pluta u mal-Isqof awżiljarju; mid-dijoċesi ta’ Koszalin flimkien mal-Isqof ordinarju u mal-Isqof awżiljarju.
Nitlob lill-pellegrini kollha biex iwasslu lill-komunitajiet, dijoċesijiet u parroċċi, din il-komunjoni tal-Qaddisin, enfasizzata mill-beatifikazzjoni ta’ Urszula Ledóchowska, u wkoll il-komunjoni tal-Knisja Pollakka li tgħix l-għaqda tagħha mal-qaddisin appostli Pietru u Pawlu, permezz tal-preżenza tas-suċċessur ta’ Pietru. Nindirizza l-istess talba lill-mistednin tagħna li ġew minn barra. Hawn preżenti l-Isqof mid-dijoċesi ta’ Sankt Polten fl-Awstrija, fejn twieldet il-beata Ursula; l-Isqof ta’ Schwerin fil-Ġermanja, u l-Isqfijiet li ġew minn Hwlsinki fil-Finlandja. Nitolbu lil dawn ħutna fil-vokazzjoni episkopali biex isellmu lill-Knejjes tagħhom u lill-popli tagħhom fl-ispirtu tal-komunjoni nisranija, li llum ċċelebrajna hawn f’Poznan.
Kliem speċjali ovvjament imiss lill-Orsolini l-Griżi; wieħed jistà jgħid li llum huwa l-jum tagħhom, il-jum kbir tagħhom. Il-ferħ tagħhom jallegrana; nawgurawlhom li l-jum tal-beatifikazzjoni tal-fundatriċi tagħhom jagħti bidu għal perijodu ġdid fl-iżvilupp ta’ din il-familja reliġjuża, li hija tant għażiża għalina.
Irrid propju hawn f’Poznan inżid ma’ dan it-tislim waħda partikolari, lill-katekisti kollha rġiel u nisa, li jappartienu lill-Kleru, imma b’mod speċjali lil-lajċi. Poznan hija ċentru kbir tal-katekeżi, u tal-ħsieb kateketiku. Irrid insellem lill-katekisti kollha irġiel u nisa kemm tal-arċidijoċesi, kif ukoll tal-Polonja kollha. Fl-aħħarnett, propju hawn , ma nistax nibqà midjun mal-istudenti żgħażagħ, li bagħtuli ittri speċjali f’Ruma. Inwieġeb għal dawn l-ittri bil-qalb kollha kif inkun nistà. Diġa dan għamiltu darba s-Sibt filgħaxija, waqt il-laqgħa maż-żgħażagħ u nerġà nagħmlu mill-ġdid hawn f’Poznan.
Poznan tat lill-Polonja u lill-Knisja diversi Isqfijiet. Nixtieq insellmilhom f’din il-komunjoni tagħna tallum.
Ħuti għeżież, il-barka f’isem it-Trinità Qaddisa għandha sa ċertu punt tissiġilla din ir- sagramentali tal-għaġeb u soprannaturali: l-Ewkaristija. Hekk iseħħ kull darba. L-Ewkaristija tagħna hija partikolarment sollenni, partikolarment elokwenti, mimlija sħanat antiki u attwali, mimlija ħajja u ġrajjiet umani.
Jalla fuq dan kollu tinfirex issa l-barka ta’ Alla li jistà kollox, wieħed fit-Trinità Qaddisa.
Irrid inbierek ukoll l-ewwel ġebliet kollha tal-knejjes li se jinbnew. Dawn il-ġebliet jinsabu quddiem l-altar. Jalla huma wkoll ikunu mberkin flimkien mal-bnedmin u għall-bnedmin.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb