Ġwanni Pawlu II waqt vespri maġenb is-santwarju ta’ Sant’ Anna

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-POLONIA
(16-23 TA’ ĠUNJU 1983)
MATUL IL-VESPRI ĦDEJN IS-SANTWARJU TA’ SANT’ ANNA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
It-Tlieta, 21 ta’ Ġunju 1983

1. Ikun imfaħħar Ġesù Kristu!

Tislima kordjali lill-pellegrini kollha miġburin fuq il-Muntanja Sant’Anna.

Wasalt hawn insegwi l-itinerarju tal-pellegrinaġġ tiegħi, marbut mal-Ġublew ta’ Jasna Gora: ilna sitt sekli nqimu lil Marija bħalla Ommna u Sultana tagħna fix-xbiha tagħha, magħrufa mhux biss f’Art Twelidna, imma wkoll universalment fid-dinja.

Matul l-ewwel żjara pontifiċja tiegħi jiena kont mort Jasna Gora tul l-itinerarju tal-patruni l-iktar antiki tagħna, San Adalbertu u San Stanislaw, li kien jgħaddi minn Gniezno u Krakovja.

Iċ-ċirkustanzi tal-pellegrinaġġ ta’ din is-sena jitolbu li jien inmur Jasna Gora tul l-itinerarju ta’ żminijietna, tul l-itinerarju tas-seklu XX. Dan jgħaddi mill-martirju ta’ San Massimiljanu Marija Kolbe, li nqimu f’art twelidu, l-ewwelnett f’Niepokalanów fl-ewwel sena wara l-kanonizzazzjoni, imwettqa f’Ruma. Dan l-itinerarju ta’ żminijietna jeħodna wkoll Jasna Gora ħdejn il-qabar li għadu frisk tal-kbir Primat tal-Polonja, il-Kardinal Stefan Wyszynski, li assuma l-patrimonju Marjan tal-Patri Massimiljanu, fit-tieni nofs tas-seklu li fih ninsabu u rabtu b’qawwa kbira f’Jasna Gora.

2. Bdanakollu dan l-itinerarju tal-kontemporanjetà – hekk elokwenti u emozzjonanti – jesiġi neċessarjament twettiq. Hemm bżonn li nmorru lura għall-bidu ta’ dawk is-sitt mitt sena, li mis-sena li għaddiet u f’dik li ninsabu fiha tiġborna madwar Jasna Gora. U dan il-bidu jinsab propju hawn: fis-Slesia tal-Piast.

U għalhekk illum it-triq tal-pellegrinaġġ tiegħi tgħaddi minnWroclaw,, fejn qimna lil Sant Edwiġe, bint in-Nazzjon Tedesk, u fl-istess ħin l-omm kbira tal-Piast Pollakki, bejn is-sekli XII u XIII. U minn Wroclaw nilħqu l-art ta’ Opole, biex nieqfu fl-art ta’ dak il-Piast li ma’ ismu hija marbuta l-fundazzjoni ta’ Jasna Gora u d-donazzjoni tax-Xbiha ta’ Jasna Gora, mis-snin 1382-84.

Hawn hu Ladislaw II, prinċep ta’ Opole, magħruf komunament bħala “Opolczyk”, figura magħrufa speċjalment miż-żminijiet tar-renju ta’ Ludoviku Ungherese, li warajh – kif nafu – it-tron Pollakk ta’ Krakovja kien mirut mill-bint Edwige. Ladislaw innifsu, tal-familja tal-Piast tas-Slesia, temm il-jiem ta’ ħajtu f’Opole, u hemm jistrieħ fil-kripta tal-Knisja tal-franġiskani. Fuq qabru naqraw l-iskrizzjoni li ġejja: “Fis-sena tal-Ġublew ta’ sitt mitt sena ta’ Jasna Gora, lill-fundatur tagħha, il-Prinċep ta’ Opole, Ladislaw II”.

Dan għadu ma jtemmx l-irbit dirett tal-art ta’ Opole max-Xbiha ta’ Jasna Gora. Fis-snin tal-invażjoni Żvediża, waqt id-“Dilluvju” fl-1655, is-Slesia ta’ Opole dawret ix-Xbiha mirakoluża bil-protezzjoni tagħha u tatha rifuġju sikur f’Pauliny, lokalità li tappartieni lill-parroċċa ta’ Mochów, qrib Glogowek (cf. l-Isqof Franciszek Jop, A servizio della Parola di Dio, p. 225).

B’dan il-mod il-waqfa tallum fl-art ta’ Opole tinkiteb fil-pellegrinaġġ tal-Papa fil-Ġublew ta’ Jasna Gora. Din il-waqfa qiegħda ssir fuq il-Muntanja Sanr Anna, li qribha jinsab Kamien Slaski, post it-twelid ta’ San Jacek, tal-Beatu Czeslaw u tal-Beata Bronislawa ta’ Odrowaz, figuri li huma għeżież għalija u qribi sa minn l-ewwel żgħożija tiegħi. San Jacek u l-Beata Bronislawa jistrieħu fi Krakovja, il-Beatu Czeslaw huwa l-Patrun ta’ Wroclaw.

3. Ninsabu mela fl-art li fl-imgħoddi kienet kważi partikolarment mimlija minn sinjali ta’ qdusija. It-tislima tiegħi tmur lir-Rgħajja hawn preżenti tal-Knisja fid-dijoċesi ta’ Opole u fil-Metropoli ta’ Wroclaw. Ippermettuli, iżda, meqjuma u għeżież ħuti fl-Episkopat, li niftakar qabel kollox lil dawk li kienu l-predeċessuri immedjati tagħkom. Huwa  diffiċli għalija nfatti li ma nqajjimx it-tifkira – meta qed joqrob il-ġublew tal-fidda tal-ordiazzjoni episkopali tiegħi – ta’ dawk li, ft-28 ta’ Settembtru 1958, qiegħdu jdejhom fuq rasi, waqt li ttrażmettewli fis-sagrament tal-Episkopat l-Ispirtu Santu u s-suċċessjoni apostolika. Dawn kienu, flimkien mal-Arċisqof Eugeniusz Baziak ta’ tifkira meqjuma, Metropolita ta’ Leopoli, l-Kardinal Boleslaw Kominek ta’ tifkira meqjuma, li mill-1972 kien Metropolita ta’ Wroclow, u l-Isqof Fraciszek Jop ta’ tifkira meqjuma, li mill-1972 kien l-ewwel Isqof residenzjali tad-dijoċesi ta’ Opole.

Waqt li nfakkar il-mejtin – li ħallewna dan l-aħħar insellem kordjalment u nagħti merħba lill-ħajjin. L-ewwelnett lill-Metropolita ta’ Wroclaw, lit-tieni Isqof ta’ Opole Alfons Nossol, li huwa iben awtentiku ta’ din l-art, insellem ukoll lit-tliet Isqfijiet awżiljari ta’ Opole” Waclaw, Antoni u Jan. Insellem fl-istess waqt lill-Kapitlu ta’ Opole u l-kleru kollu tal-Knisja ta’ Opole u, miegħu, lill-familji reliġjużi maskili u femminili.  Nindirizza espressjonijiet speċjali lill-Patrijiet Franġiskani, li ilhom għal bosta ġenerazzjonijiet jieħdu ħsieb is-santwarju fuq il-Muntanja sant’Anna, billi jiżvolġu s-servizz pastorali favur il-pellegrini numerużi.

Maġemb sidien id-dar insellem kordjalment lill-mistednin ekkleżjastiċi kollha u lil dawk lajċi, li ġew hawn mis-Slesia u minn partijiet differeti tal-Polonja u speċjalment lir-rappreżentanti tal-Episkopat. Fosthom hawn sitt Kardinali: il-Kardinal Volk, il-Kardinal Krol, li dalgħodu mexxa hawn il-konċelebrazzjoni minflok il-Papa; il-Kardinal Meisner, il-Kardinal Casaroli u l-Kardinali Pollakki tagħna: il-Kardinal Primat, u l-Kardinal Metropolita ta’ Krakovja. Barra minn dawn Isqfijiet numerużi, ħuti maħbubin, ukoll minn barra l-Polonja. Ma nistax ma nsellimx lir-rappreżentanti tal-iniversitajiet kattoliċi mid-diversi partijiet tal-Polonja, Il-preżenza tagħhom dovuta għall-fatt li l-universitajiet iħobbu ħafna lill-Isqof tagħkom. Iħobbuh, għaliex huwa stess huwa tejologu eċċellenti. Huwa wkoll iħobbhom, imma jirregola ruħu b’tali mod, li l-imħabba lejn l-universitajiet u lejn ix-xjenza ma tiddisturbax imħabbtu lejn id-dijoċesi ta’ Opole, anzi tkabbarha.

4. Ninsabu hawn, fuq il-Muntanja Sant’Anna, quddiem din il-“milja taż-żmien” kif jipproklama San Pawl fl-Ittra lill-Galatin. Smajna ftit ilu l-kliem ta’ din l-Ittra, bħala qari tal-Vespri: “. . . Meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara. . .” (Gal 4, 4).

Fuq il-Muntanja Sant’Anna din il-verità ċentrali tal-istorja tas-salvazzjoni ġiet enfasizzata b’mod partikolari: il-“Mara, li tat id-dawl lil Bin Alla, tinsab flimkien ma dak l-Iben, f’dirgħajn ommha: Sant’Anna”.  Dan huwa espress fil-figura ta’ Sant’ Anna “Samotrzecia” li hawn, fis-santwarju ewlieni tal-Islesia u tal-art ta’ Opole – kważi mitt sena iżgħar minn Jasna Gora – ilha għall-sekli tirċievi qima u mdawra bl-imħabba minn diversi ġenerazzjonijiet.

Din l-imħabba u din il-qima jiddirieġu lejn il-Misteru tal-Inkarnazzjoni, Nafu sewwa mill-Vanġelu ta’ San Mattew u ta’ San Luqa, li Bin Alla waqt li sar bniedem bl-opra tal-Ispirtu Santu, fil-ġuf tal-Verġni ta’ Nazzaret, għandu fl-istess ħin il-ġenejoloġija umana tiegħu. Il-ġenejoloġiji tal-evanġelisti jinnumeraw qabel kollox l-antenati maskili ta’ Ġesù Kristu. Fil-figura ta’ Sant’Anna “Samotrzecia” hija enfasizzata qabel kollox il-linja tal-maternità: L-Omm u l-Omm tal-Omm.Bin Alla sar bniedem għaliex Marija saret Ommu. Hija stess iżda tgħallmet tkun omm mingħand ommha.

Il-kult ta’ Sant’Anna ġie mdaħħal permezz tal-ġenejoloġija tal-maternità fil-misteru stess tal-Inkarnazzjoni, Dan ġie ntrodott f’din il-“milja taż-żmien” li seħħet meta “Alla bagħat lil Ibnu, mwieled minn mara”.

5. U bagħtu . . . “biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, sabiex jirċievu l-adozzjoni ta wlied” (Gal 4, 5).

Tafu sewwa, għeżież Pellegrini. Li mill-25 ta’ Marzu ta’ din is-sena, jiġifieri sa mis-sollennità tal-Annunzjazzjoni, li hija fl-istess ħin il-festa liturġika tal-misteru tal-Inkarnazzjoni – beda fil-Knisja kollha il-Ġublew straordinarju tas-Sena tar-Redenzjoni. Bħalma infatti fis-sena 1933 il-Knisja ċċelebrat il-Ġublew biex tfakkar l-1900 sena li kienu għaddew mir-Redenzjoni tad-dinja, hekk fis-sena li qegħdin fiha qiegħda tfakkar l-1950 sena li għaddew minn dik il-ġrajja feddejja.

B’dan il-mod, il-Ġublew tagħna ta’ Jasna Gora, iċċelebrat fil-Polonja, jgħaddi, bla dubju b’dak il-mod, f’dak il-Ġublew universali tal-Knisja kollha. U l-punt ta’ riferenza ta’ dan il-Ġublew tar-Redenzjoni hija propju dik il-“milja taż-żmien, meta “Alla bagħat lil Ibnu, mwieled minn mara, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi . . .”: sabiex jifdi mid-dnub il-ġeneru uman kollu, “sabiex jirċievu l-adozzjoni ta’ wlied”.

Intom, li se tagħmlu l-pellegrinaġġi fuq il-Muntanja Sant’Anna, immeditaw, din is-sena, b’fidi approfondita, fuq il-misteru ta’ dak “it-twelid minn mara”, li ta bidu għall-fidwa tagħna. U fittxu li tippenatraw b’tama partikolari t-teżori bla tarf tal-Fidwa, li l-Knisja tiftaħ din is-sena quddiem il-Poplu kollu ta’ Alla, sabiex jikseb il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni. Mela aħdmu biex tiksbu l-maħfra tad-dnubuet, u wkoll ir-remissjoni tal-pieni temporali, ladarba dan huwa possibbli b’dispożizzjoni interna addattata. Fittxu li tiksbu wkoll ir-rikonċiljazzjoni: qabel kollox rikonċiljazzjoni profonda dejjem iktar ma’ Alla stess f’Ġesù Kristu u bl-opra tal-Ispirtu Santu, u fl-istess ħin r-rikonċiljazzjoni mal-bnedmin fil-qrib u fil-bogħod, preżenti jew assenti f’din id-dinja. Infatti din id-dinja dejjem tiħtieġ rikonċiljazzjoni multipla, kif illum diġa għidt f’Wroclaw, waqt li rreferejt għall-opra ta’ Santa Edwiġe.

6. B’qima ejjew niftakru fuq il-Muntanja Sant’Anna wkoll lil dawk li, f’din l-art, ma qagħdux lura milli, f’waqtu, jagħmlu sagrifiċċju ta’ ħajjithom fuq il-kamp tal-battalja, kif jixhed il-Monument tal-qalbiena ta’ Slesia, li jinsab hawn. Il-Muntanja Sant’Anna tinkludi lilhom ukoll. Fl-istess ħin hija ġġorr fil-qalb stess tas-santwarju it-tifkira ta’ dawk kollha li, minn ġenerazzjoni għall-oħra, hawn ġew biex “jirċievu l-adozzjoni ta’ wlied”: il-filjolanza ta’ Alla. Biex tgħix din il-ħajja divina li bi prezz tas-sagrifiċċju ta’ Kristu saret don għall-bnedmin kollha. Biex tibni, fuq l-art soprannaturali tal-Grazzja santifikanti, ħajja umana onesta, nobbli: ħajja xierqa tan-nisrani, kemm fil-fuklar domestiku, kif ukoll fil-post tax-xogħol agrikolu jew industrijali, kif fl-aħħar minn l-aħħar fid-dimensjonijiet soċjali kollha.

“U li intom ulied huwa prova l-fatt li Alla bagħat fi qlubkom l-Ispirtu ta’ Ibnu li jgħajjat: Abbà, Missier!»” (Gal 4, 6).

Hawn, fuq il-Muntanja Sant’Anna, ġew u jkomplu jiġu ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Pellegrini biex jitgħallmu din l-invokazzjoni. Biex jitgħallmu t-talba li wara timla l-ħajja umana, timliha u tiffurmaha skont Alla. U din it-talba, billi tiġbor madwarha l-ġenituri u l-ulied, in-nanniet u n-nepputijiet, toħloq flimkien r-rabta l-iktar profonda bejn il-ġenerazzjonijiet. Forsi ma għex, f’din ir-rabta, il-patrimonju kbir divin u uman :sa miż-żminijiet tal-Piast: miż-żminijiet ta’ Sant’ Edwige u ta’ Ladislaw ta’ Opole, il-Fundatur ta’ Jasna Gora?

7. Il-figura ta’ Sant’Anna “Samotrzecia” tfakkarna kif l-Iben ta’ Alla sar bniedem bl-opra tal-Ispirtu Santu, u, fl-istess ħin, tul il-ġenejoloġija tal-ġenerazzjonijiet umani. Jalla din il-figura tkun għalikom, għeżież ħuti, sors kostanti ta’ ispirazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum, fil-ħajja familjari u soċjali. Ittrażmettu lil xulxin, minn ġenerazzjoni għal oħra. Flimkien mat-talba, il-patrimonju spiritwali kollu tal-ħajja nisranija.

Bħala pellegrin tallum fuq il-Muntanja Sant Anna, u fl-istess ħin bħala l-ewwel Papa li l-art Pollakka tat, nixtieq nikkonferma dan il-patrimonju u nikkonsolidah. Dan għex hawn għal tant ġenerazzjonijiet. Jalla jkompli. Jalla fir-raġġ tal-irradjazzjoni tal-Muntanja Sant’ Anna jiżviluppa dak li kellu l-bidu tiegħu fir-Redenzjoni mwettqa minn Ġesù Kristu, Bin Marija; dak li f’ruħna joħloq is-Sagrament tal-Magħmudija u twettaq il-Griżma; dak li kontinwament jiġġedded  permezz tal-Penitenza u jsib il-milja sagramentali fl-Ewkaristija.

B’tifkira tal-preżenza tiegħi f’din l-art nixtieq ukoll inqiegħed il-kuruni  fuq il-meqjuma xbiha tal-Omm ta’ Alla tal-katidral ta’ Opole.

Ulied ta’ din l-art! La tiqfux tgħixu b’din il-fidi, li skontha Alla bagħat lil Ibnu mwieled minn mara . . . sabiex inkunu nistgħu nirċievu l-adozzjoni ta’ wlied, il-filjolanza divina!

Ulied din l-art! La tiqfux tibqgħu fil-filjolanza divina, li għandna minn Ġesù Kristu  msallab u rxuxtat bl-opra tal-Ispirtu Santu!

Ulied din l-art! La tieqfu qatt tgħajtu – bil-lingwa li kienet il-lingwa tal-antenati tagħkom – la tieqfu qatt tgħajtu lil Alla: Abbà, Missier!


Waqt li ntroduċa ċ-ċelebrazzjoni tal-Vespri il-Papa kien qal:

Qegħdin niltaqgħu bil-ferħ fi tmiem il-jum, biex niċċelebraw it-talb ta’ filgħaxija u biex inwettqu l-inkoronazzjoni ta’ Kristu u Ommu, il-Madonna ta’ Opole. Għal dawk li jifhmu s-sens intern ta’ dan ir-rit, dan il-fatt se jkun lezzjoni ta’ dak it-tagħlim evanġeliku li skontu huma ikbar fis-Saltna ċelesti dawk li wrew ruħhom l-ewwel fis-servizz u fix-xhieda tal-karità. Il-Mulej tagħna nnifsu li ġie mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi, meta kien mgħolli ‘l fuq mill-art, ġibed kollox lejh u ddomina minn fuq is-Salib bil-qawwa tal-imħabba u tat-tieba.

Santa Marija iżda, li l-glorja tagħha nħabbru llum fuq l-art, kienet qaddejja umli tal-Mulej, iddedikata totalment għall-Iben; ikkollaborat bil-misteru stess u fil-misteru tar-Redenzjoni. Imsejħa għall-glorja ċelestina ma temmitx l-protezzjoni salvatriċi fuq ħut Kristu, imma waqt li ħadet ħsieb is-salvazzjoni eterna tagħhom kompliet tqassam il-ħniena u tkun is-Sultana tal-imħabba.  

Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni il-Papa żied:

Għeżież ħuti Isqfijiet, għeżież reliġjużi. Għażiż Patri provinċjal, ejjew niżżu ħajr lill-Mulej għal Anna “Samotrzecia”, għal San Franġisk patrun tal-ekoloġija. Intom hawn ilkoll kemm intom, ulied San Franġisk tal-provinċja tas-Slesia u wkoll tal-provinċji Pollakka l-oħra. Intom l-għassiesa tas-santwarju, ta’ dan is-santwarju ta’ Sant’ Anna fuq il-Muntanja Sant’Anna, fl-art ta’ Opole. Hawn nara ċerta koinċidenza: din hija li matul il-pellegrinaġġ preċedenti tiegħi jiena żort is-santwarju ta’ Kalwaria Zebrzydowska, hemm ukoll hemm il-franġiskani, ulied San Franġisk, imsejħin komunament Bernardini.

X’se nawguralkom, għeżież ħuti? Nawguralkom li dan is-servizz lill-Poplu ta’ alla fil-postijiet tal-pellegrinaġġi, fis-santwarji, kif ukoll fil-parroċċi, kulfejn isservu, jgħinkom biex iżżommu l-ispirtu ta’ San Franġisk ta’ Assisi, ladarba l-vokazzjoni tagħkom hija li tipperseveraw fl-ispirtu tiegħu, issostnu l-ispirtu tiegħu; u l-ispirtu ta’ San Franġisk kien ġrajja straordinarja fil-korsa taż-żewġ millennji tal-kristjaneżmu. Hemm bżonn li l-persuni komuni (dawn aħna lkoll) ikunu jafu jinkarnaw  u jesprimu f’ħajjithom dak li huwa straordinarju. Din hija l-essenza tar-reliġjon, intenzjonata fl-iktar mod profond, ladarba r-reliġjon mhi xejn iktar għajr l-inkarnazzjoni u l-espressjoni ta’ dak li hu l-iktar straordinarju, jiġifieri ta’ Alla, tar-realtà divina, tal-majjesta divina. San Franġisk kien bla dubju rappreżentant straordinarju ta’ din ir-realtà u ta’ din il-majjestà, u intom kunu nġenjużi mill-aħjar li tistgħu! U li propju dan is-servizz lill-Poplu ta’ Alla fis-santwarji u wkoll fil-parroċċi, fl-okkaħjoni ta’ bosta pellegrinaġġi jew waqt is-smigħ tal-qrar numeruż, jgħinkom biex issibu u biex tapprofondixxu l-kariżma tagħkom ta’ Franġiskani. Dawn nawgurahulkom bħala l-mistieden tagħkom tallum u pellegrin fuq il-Muntanja Sant’Anna u flimkien mal-Isqfijiet hawn preżenti irrid inbierek lilkom u lill-ulied irġiel kollha u wkoll lil dawk nisa – sabiex ma nonqoshomx – ta’ San Franġisk fil-Polonja. Jalla Alla jberikom.

Ikun imfaħħar Ġesù Kristu!  

 Wara l-benedizzjoni, wara li daħal fit-temju ta’ Sant’Anna, il-Papa qal:

Nixtieq nagħti imbierek u fl-istess ħin nikkonsagra b’dan l-ewwel ġebel għall-knejjes li se jinbnew. B’dan il-mod se jkunu mbierka kemm il-bnedmin kif ukoll it-tempji.

Għeżież tiegħi, biex nikkonkludu. Nixtieq nesprimi l-ferħ kbir tiegħi li ninsab hawn. Għad għandi x-xewqa li nibqà hawn magħkom, imma se jkun ferm diffiċli li nittrasporta hawn il-Bażilika ta’ San Pietru. Meta llandjajt u nżilt mill-elikotteru, il-“voivoda” ta’ Opole qalli: Beh, almenu darba f’dan il-pellegrinaġġ il-Papa qigħed jasal fil-kampanja, għaliex s’issa mar dejjem fl-ibliet, u l-Muntanja Sant’Anna hija kampanja”. Jien dan ma kontx nafu, imma aħjar hekk. Jiena staqsejt lili nnifsi: kif seħħ li jiena ġejt fuq il-Muntanja Sant’Anna? Ħsibt, fittixt fil-memorja u fl-aħħar ftakart. Darba ġie għandi l-Isqof Nossol. Stedintu għal ċena minħabba li ilna sewwa nafu lil xulxin, u hu, fis-sala li konna qegħdin niċċenaw fiha, qiegħed statwetta ta’ Sant’Anna “Samotrzecia”. U din is-Sant’Anna “Samotrzecia” tinsab hemm, tagħmel dak li għandha tagħmel u għamlet dan li kellha tagħmel.

Waqt li wieġeb lill-folla li kienet qiegħda tgħajjat: “Grazzi”, huwa mbagħad wieġeb:

Jien ukoll niżżikom ħajr ħafna. Niżżikom ħajr għal din il-liturġija tassew sabiħa, liturġija tal-vespri (għasar). U jekk nistà nitlobkom xi ħaġa, f’dan is-santwarju (u diġa tlabtha f’postijiet differenti), nitlobkom biex tkomplu tikkultivaw din il-liturġija tassew sabiħa tal-vespri hekk kif għamiltuha llum flimkien mal-Papa.

Għalissa dak kollox. Issa rrid inżur mill-ġdid is-santwarju u mbagħad nagħmel dmiri, jiġifieri nitlà fua l-elikotteru u nmur Krakovja. Hemm, fi Krakovja, hemm il-konnazzjonali tagħkom, hemm San Ġiaċintu, hemm il-Beata Bronislawa. Għalkemm se nkun fi Krakovja se nkun xorta waħda fuq il-Muntanja Sant’Anna. Hekk hu: Krakovja qrib il-Muntanja Sant’Anna.

Ikun Imfaħħar Ġesù Kristu!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading