L-istruttura tal-Quddiesa: Il-Liturġija tal-Kelma (4) u aktar mirakli Ewkaristiċi

Minn Manwel Cutajar

Il-Kitbiet fit-Testment il-Qadim jkellmuna dwar il-wegħdiet ta’ Alla u t-tħejjiet Tiegħu u tal-poplu Tiegħu għall-miġja ta’  Ġesù Kristu;  l-Ittri u l-Kitbiet kollha fit-Testment il-Ġdid, ta’ wara ż-żmien il-kitba tal-Evanġelji,joffru riflessjonijiet u tagħlim  ta’ San Pawl, San Ġakbu, San Pietru, San Ġwann u San Ġuda dwar il-ħajja u l-messaġġi ta’ Kristu; u fl-Atti tal-Appostli għandna l-istorja u l-ħidma Evanġelika tal-Knisja Nisranija, Qaddisa, Appostolika u Universali tal-bidu. Aħna nemmnu li dawn il-kitbiet  huma kollha mnebbħa mill-Ispirtu s-Santu, għax wara kollox huma tabilħaqq il-Kelma ta’ Alla.

Iżda minbarra dal-kitbiet insibu wkoll l-erba’ Evanġelji:ta’ San Mattew, San Mark, San Luqa u San Ġwann.

Dawn l-erba’ Evanġelji huma l-qofol tal-Liturġija tal-Kelma, u għaldaqstant il-Knisja Kattolika minn dejjem tat importanza u qima speċjali lil dawn l-Evanġelji għax fihom m’għandniex sempliċiment it-tħejjija u l-prefigurazzjoni ta’ Kristu, u lanqas riflessjonijiet dwaru, imma l-istess Kliem u Għemejjel ta’ Ġesù nnifsu, kif inhuma imfakkra mill-Appostli u miktuba mill-Evanġelisti.

Għaldaqstant l-Evanġelju huwa differenti minn kull qari ieħor fil-Quddiesa. Il-preżenza tiegħu fil-Quddiesa hija mdawra bl-akbar dinjità u qima kif espressi fit-talb, l-azzjonijiet u ċ-ċerimonji  liturġiċi sbieħ u sinifikanti li jakkumpanjawh.Il-Knisja tant tqim dal-Ktieb Imqaddes li saħansitra tiċċensah qabel il-qari tiegħu waqtil-quddiesa.

Għalhekk ma għandniex naħsbu fil-qari tal-Evanġelju,mis-saċerdot jew id-djaknu bħala rakkont biss ta’  ġrajjiet li wettaq Kristu meta kien fid-dinja,imma  bħala xhieda u preżenza ħajja li permezz tiegħu Kristu jikkomunika kontinwament mal-Poplu Tiegħu f’kull żmien. Il-qawwa tal-Evanġelju hi li toħloq ħajja ġdida fil-bnedmin kollha li jisimgħuh u jgħixuh matul ħajjithom kollha.

LIstruzzjoni Ġenerali talMissal Ruman ssejjaħ l-Evanġelju bħala l-“punt għoli tal-Liturġija tal-Kelma”: Qabel il-qari tal-Evanġelju,wara t-tislima tas-saċerdot jew djaknu:“Il-Mulej magħkom,” u t-tweġiba tagħna,“U miegħek ukoll” flimkien nagħmlu t-tliet sinjali  tas-Salib fuq ġbinna, ħalqna u sidirna f’ġest simboliku li bih nitolbu l-grazzja li nżommu dil-Kelma tal-Mulej dejjem preżenti fil-menti tagħna;fuq xofftejna, lesti li dejjem nistqarruha b’fommna; u f’qalbna,determinati li ngħożżuha fi qlubna  b’mod li tiggwidana matul ħajjitna kollha.Storikament, sad-disa’ seklu s-saċerdot jew djaknu flimkien mal-fidili qabel il-qari u s-smigħ tal-Evanġelju kienu jagħmlu s-sinjali tas-Salib fuq ġbinhom u sidirhom biss. Aktar tard,fis-seklu 11,bdew jagħmlu das-sinjal tas-Salib ukoll fuq fommhom.

L-Istruzzjoni Ġenerali tkompli tgħidilna li “l-qari mill-Kelma ta’ Alla għandu jinstema’ b’qima minn kulħadd” (para.29),u tinsisti li kull min jaqra l-Iskrittura fil-Quddiesa jrid ikun verament addattat u mħejji sew biex jaqdi dil-funzjoni u missjoni,biex bil-qari tagħhom mit-Testi Sagri, il-fidili Insara jistgħu jisimgħu u jikkonċepixxu f’qalbhom imħabba ħelwa u ħajja lejn l-Iskrittura Mqaddsa.”(para.101).

L-għan ewlieni f’dan kollu hu s-smigħ u l-fehim tal-Kelma ta’ Alla bla ebda  diffikulta. Aħna mistennija li nisimgħu u nsegwu b’attenzjoni kbira l-qari tal-Kelma ta’ Alla fil-quddiesa mingħajr ebda distrazzjoni.

Forsi l-aħjar mod biex nifhmu l-qari fil-Quddiesa u t-tweġiba tagħna għalih huwa offrut mill-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-Ittra Appostoika tiegħu Dies Domini tal-31 Mejju 1998: “Jekk l-individwi u l-familji Nsara ma jeħdux regolarment  ħajja ġdida mill-qari tat-Test Sagru fi spirtu ta’ talb u doċilità għall-interpretazzjoni tal-Knisja, allura huwa diffiċli li t-tħabbira liturġika tal-Kelma ta’ Alla biss tipproduċi l-frott li nistgħu nistennew.”  Il-Papa jħeġġeġ lil “dawk li jieħdu sehem fl-Ewkaristija—saċerdot, ministri u fidili…sabiex iħejju l-liturġija tal-Ħadd, jirriflettu minn qabel fuq il-Kelma ta’ Alla li se tiġi mħabbra.” (para.40).  B’dan il-mod inkunu bħallikieku qed naħartu  l-ħamrija, jiġifieri nħejju r-ruħ tagħna, biex nirċievu ż-żerriegħa li għandha titħawwel mill-Kelma ta’ Alla ħalli ż-żerriegħa tagħtina l-frott…dak il-frott spiritwali tant meħtieġ għall-qdusija u s-salvazzjoni tagħna.

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Pariġi,  Franza, fis-sena 1667

Fost il-Ġenerali li servew lir-Re Luiġi XIV ta’ Franza (li rrenja mill-1643-1715),il-Marixxall Ġenerali Henri de La Tour d’Auvergne (1611-1675), magħruf aktar bħala Turenne,kien meqjum mir-Re bħala l-aktar kuraġġuż u kien l-aktar wieħed irrispettat mill-membri tal-qorti. Iżda Turenne kien membru tal-knisja Kalvinista li ma kinitx temmen fil-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija. Minkejja x-xewqa tar-Re u l-isforzi li għamel il-magħruf teologu u oratur l-Isqof Franċiż Jacques-Bènigne  Bossuet (1627-1704), biex Turenne isir Kattoliku huwa  qatt ma ried jingħaqad mal-Knisja Kattolika. Turenne kellu ħafna preġudizzji kontra l-Knisja Kattolika,b’mod speċjali,kontra t-twemmin u tagħlim tal-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija li għalih kienet ħaġa li ma titwemminx, għalkemm kien jammetti li tagħlim bħal dan huwa sabiħ u ta’ kuraġġ u konsolazzjoni kbira għal dawk imberkin bil-fidi Kattolika.Kien jistqarr:“Li kelli nikkonvinċi ruħi mill-Preżenza reali ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija, miftuħ mal-art kont naduraH bla waqfien.”  Minkejja r-ras iebsa ta’ Turenne l-Isqof  Bossuet kompla jiddiskuti miegħu din id-duttrina u l-Kattoliċiżmu.Għal dal-għan  huma  spiss kienu  jiltaqgħu flimkien, ħafna drabi fil-palazz tal-Louvre.Waqt waħda minn dawn il-laqgħat indunaw li waħda mit-twieqi kienet qiegħda taqbad.Meta ra n-nar jhedded li jeqred ħafna xogħlijiet tal-arti, Turenne telaq igħin lin-nies fl-isforzi tagħhom biex jitfu n-nar. Sar kull mezz possibli biex jikkontrollaw in-nirien,iżda kien kollu għalxejn.L-isqof Bossuet meta ra l-immensità tan-nirien u l-periklu ħass li l-aħjar ħaġa li jagħmel kienet li jitlob l-intervent ta’ Alla. Għaldaqstant b’ħeffa kbira telaq lejn il-kappella, qiegħed l-Ewkaristija f’Ostensorju u mar  bih lejn fejn kien hemm in-nirien. Wara li għadda minn ġo sħab ta’ duħħan wasal qrib in-nirien u ta l-Barka Sagramentali.F’daqqa waħda n-nirien bdew jonqsu sakemm fl-aħħar intfew għalkollox.Il-ħaddiema stagħġbu bil-qawwa u l-majestà ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku u niżlu għarkopptejhom jaduraw is-Santissmu Sagrament.Sa minn meta ġara dal-Miraklu fl-1667 jingħad li Turenne matul il-bqija ta’ ħajtu baqa’ jħobb u pprattika r-Reliġjon Kattolika u jemmen fil-Preżenza reali ta’ Kristu f’das-Sagrament kbir  u jadura b’devozzjoni kbira l-Ewkaristija Qaddisa.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading