Hemm bżonn inħalli lill-Mulej jikkonvertili xewqati
Patri Paul Darmanin
“Ilkoll kemm aħna nġarrbu l-fatt li aħna maħluqin biex inkunu flimkien. Din hi l-vokazzjoni tagħna. Aħna bnedmin proprju għaliex aħna persuni maħluqin bil-ħila li nkunu f’relazzjoni. Iżda l-aktar ħaġa li nsibu diffiċli biex inwettqu hi li nibqgħu flimkien: ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna.
“Il-kuntradizzjoni li tinħoloq f’ħajjitna tibda proprju minn dan. Aħna maħluqa biex inkunu f’relazzjoni imma nsibuha bi tqila nżommu dawn ir-relazzjonijiet.”
Hekk beda r-riflessjoni tiegħu Don Luigi Maria Epicoco fil-ftuħ tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju tal-Franġiskani Konventwali Maltin f’Settembru 2023. Din ir-riflessjoni, li tittratta l-profezija u l-konverżjoni fil-ħajja reliġjuża, għadha kemm ġiet ippublikata minn Reliġjon u Ħajja bit-titlu: “Se nagħmel ħaġa ġdida”.
Il-predikatur imfittex Epicoco jagħmel riflessjoni interessanti bbażata fuq is-silta tal-Profeta Isaija li nsibu f’kapitlu 43: “La tiftakrux iżjed fi ġrajjiet l-imgħoddi; la taħsbux fuq dak li ġara qabel. Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida: feġġet issa; għadkom ma ttendejtux? Se niftaħ triq fix-xagħri, xmajjar fid-deżert.” Don Luigi jgħid: “Ma fiha xejn ħażin li nixxennaq għal xi ħaġa, imma ma nistax niddefendi xewqati kontra kollox u kontra kulħadd. Hemm bżonn inħalli lill-Mulej jikkonvertili xewqati. Is-soltu l-Mulej għandu mod stramb ħafna ta’ kif jisma’ xewqatna… billi jissuperahom. Hu dejjem jurina li hu akbar minnhom.”
F’din it-taħdita Epicoco jsemmi sitt punti ta’ riflessjoni. Iħeġġeġ biex ir-reliġjużi jfittxu qabel kollox li jsiru qaddisin. Imbagħad jgħid li taħdem għat-tiġdid ma jfissirx teqred l-imgħoddi. Wara jkompli kemm hu importanti li nżommu għajnejna fuq il-preżent. Fil-punt li jmiss iħeġġeġ biex nikkultivaw stil sinodali. Importanti wkoll li nirrakkontaw l-istejjer pożittivi tal-fraternitajiet tagħna u nitgħallmu minnhom. Fl-aħħar itemm billi jgħid li jeħtieġ ‘inħossu’ mal-Knisja fuq l-eżempju ta’ Marija ta’ Nazaret.
Din il-pubblikazzjoni tagħlaq billi l-awtur stess jgħidilna min hu u kif jgħix il-ħajja pastorali impenjattiva tiegħu. Mhix sempliċi nota awtobijografika iżda tkomplija fir-riflessjoni li dak li nagħmlu jeħtieġ nagħmluh biss għal skop wieħed: ix-xandir tal-Bxara t-tajba. Fil-verità din il-konkluzjoni tal-ktieb hi adattament minn intervista li din ir-rivista tagħna stess kienet għamlet lil Don Luigi meta kien Malta f’Settembru 2023.
Fl-opinjoni tiegħi dan il-ktejjeb, għalkemm jittratta t-tiġdid u l-ispiritwalità tal-ħajja reliġjuża, mhux ktieb għar-reliġjużi biss, iżda hu riflessjoni biex kulħadd jista’ jsib fiha tagħlim, ispirazzjoni u motivazzjoni għal ħajja ta’ fidi aktar awtentika.
