BIDLIET FIL-KLIEM TAL-KANT TAL-KNISJA

Fl-1986 il-Kummissjoni Midja tad-Djoċesi ta’ Malta kienet ippubblikat ktieb tal-kant għal waqt il-Quddiesa u l-laqgħat ta’ talb, imsejjaħ INNIJIET. Dan kien tassew pulit u korrett għal kollox.

Fl-1997 il-Kummissjoni Mużika Sagra tad-Djoċesi ippubblika verżjoni ta’ dan il-ktieb, bl-isem ta’ GĦANJIET IL-ĠEMGĦA u żiedet il-mużika tal-innijiet. Din il-verżjoni mhix ta’ kwalita’ bħal dik tal-1986. Minbarra li fiha wkoll diversi żbalji fil-Malti, hemm kliem li ġew mibdula mingħajr ħtieġa, u b’mod mhux korrett.

Se nagħti ftit eżempji. Fil-verżjoni tal-1997, fl-innu numru 145, “bid-dawl hennina” ġiet mibdula ”bis-sliem hennina”, li la hi kif kitibha Dun Karm Psaila u lanqas ma tinstema’ sew mużikalment. Kelma oħra li ma ddoqqx tajjeb hi “imnikktin” minflok “imġarrbin”, fl-innu numru 149 “Minn qalbna nħobbuk”. It-tajba hi li, f’dan l-innu fl-istess paġna fejn hemm il-mużika, tidher bħala “imġarrbin”. F’innu numru 186 hemm il-kelma “mimlija” ripetuta; it-tieni waħda trid tkun “mibnija” għax hekk hi fl-oriġinal. Fit-tieni strofa ta’ dan l-innu, “li ħalaqha għalina” trid tiġi “li ħalaqha għalija”.

Nissuġġerixxi li l-Kummissjoni Djoċesana inkarigata mill-kant sagru terġa’ tippubblika l-ktieb INNIJIET tal-1986 u, jekk tara l-ħtieġa żżid fih xi innijiet oħra, biex kemm jista’ jkun fil-parroċċi ta’ Malta nkantaw l-innijiet kif inkitbu u mhux kif inbidlu.

Joe Galea

One thought on “BIDLIET FIL-KLIEM TAL-KANT TAL-KNISJA”

  1. Naqbel, imma jkun ħafna aħjar jekk ħafna mill-innjiet jiġu rrekordjati kantati, għax inutli jkollok innijiat ġodda u sbieħ jekk ma nafux inkantawhom. illum darba jiġu rekordjati, faċli ħafna jinxterdu permezz tal u-tube. Hija ħasra għandna mezzi f’idejna u ma nagħmlux użu minnhom. Ejja nibdew.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading