Minn Daniel Borg
Illum mietet il-mara tal-ħabib kbir tiegħi Joe. Kienet mara qaddisa, u ħalliet warajha tfal żagħar. U bejn u bejn ruħi saqsejt: tista’ tispjegahom dawn l-affarijiet? Għala Alla jġarrab lit-tajjeb b’dan il-mod?
U f’moħħi ġie vers li l-Papa Benedittu XVI jirreferi għalih fl-enċiklika Spe Salvi meħud mill-ittra lill-Lhud, meta jitkellem dwar it-tama: “Il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx” (Lhud 11,1). In-nisrani jgħix bit-tama għalhekk għandu skop u għalhekk ma jiddisprax jgħid il-Papa fl-enċilika. Imma f’dawn il-mumenti jiġi diffiċli taħseb b’dan il-mod!
Jien lil Maryann ma kontx nafha mill-qrib imma meta mort rajtha f’dawn l-aħħar ġranet ħallejtha bil-kliem: “Nitlob għalik”, u hi qaltli “Nitlobu għall-xulxin.” Ma stennejthiex din ir-risposta imma hija l-prova ta’ bniedma li kienet qed tħares il-quddiem bit-tama f’ħajja oħra. Għalija dawn il-ġranet kienu esperjenza tal-fidi kbira ta’ Maryann mgħixha fit-tama fil-Mulej Ġesu.
U hija l-persuna ta’ Ġesu l-unika risposta f’dawn il-mumenti. Fl-istess enċiklika Papa Benedittu XVI jgħid b’referenza għal Ġesu u Salm 23: “Ir-ragħaj it-tajjeb huwa dak li jaf anke t-triq li tgħaddi mill-wied tal-mewt, dak li jimxi miegħi fil-passaġġ tas-solitudni tal-aħħar, fejn ħadd ma jista’ jakkumpanjani, u hemm hu jmexxini: hu nnifsu mexa dan il-passaġġ, hu niżel fis-saltna tal-mewt, hu rebaħ il-mewt, u hu rritorna biex jakkumpanjana issa u jagħtina ċ-ċertezza li flimkien miegħu nistgħu nimxu t-triq” [6]. Grazzi għażiża Maryann!