L-affarijiet iż-żgħar tal-ħajja

Il-Ħadd, 16 ta’ Ġunju 2024: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Quddiesa tat-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf. Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.

L-Ewwel Parti:

It-Tieni Parti:

Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Illum Jum il-Missier. Irridu noqogħdu ħafna attenti aħna l-irġiel, għax għandna drawwa nieħdu l-affarijiet for granted ħafna. Jidhrilna li jekk smajna kelma u fhimnieha, fhimna kollox… u ma nkunu fhimna xejn, lanqas dik il-kelma kultant! Skużawni li qiegħed nitkellem hekk, imma dan qiegħed ngħidu biex nitħeġġu (u jien magħkom) li jkollna widnejn, moħħ u qalb miftuħin ħafna biex nifhmu dak li jkun għaddej minn mara. Mhux lakemm!

Dan ifisser li rridu nuru rispett kbir lejn dak li qed iseħħ magħna u quddiem għajnejna. Irid ikollna rispett lejn kull ‘uff’, ‘aħħ’, u ‘ajma’. Rispett kbir lejn “Qed nibża’”, “Ma nafx x’inhu jiġrili”, “Ma nafx minn xiex jien għaddejja”, “Ġrali hekk u ma ġralix hekk”.

Il-Vanġelu tal-lum (Mk 4:26-34) ikellimna fuq l-importanza tal-affarijiet iż-żgħar. Intom innutaw. Kull wieħed u kull waħda minna ejjew inħarsu lejna nfusna. Aħna minn fejn bdejna? Minn żerriegħa żgħira, minn bajda żgħira. Dak li qed jiġri fikom beda minn żerriegħa żgħira. Il-problema tafu x’inhi? Li aħna tant tbegħedna min-natura, minn dak li hu veru, sempliċi, ċkejken, li jekk ma nagħmlux storbju kull fejn inkunu, jekk ma nagħmlux xi ħaġa kbira, jekk ma nkunux speċjali, prattikament ma nafux fejn aħna, inkunu mitlufin.

Ħa nġibilkom eżempju sempliċi mill-ħajja ta’ kuljum. Inti kif tħobbha l-iktar lil martek u kif tħobbu l-iktar lil żewġek? Billi darba kultant tieħdu jew teħodha fl-aqwa ristorant u tonfqu ma nafx kemm fl-ikel u fi nbid tajjeb biex tgħidilha “nħobbok”, jew inkella li kuljum, fis-sempliċità tal-kċina u tad-dar tiegħek, tipprova tipprovdi xi ħaġa x’jiekol jew x’tiekol? Liema hi l-ikbar imħabba? Għiduli intom liema hi l-ikbar imħabba!

Donna llum qegħdin nistordu waħda sew. Liema hi l-akbar imħabba? Jekk jien noqgħod nitkellem ftit kuljum ħdejn il-mara jew ħdejn ir-raġel tiegħi, jew inkella billi naħdem mill-4.00am sal-3.59pm, imbagħad darba fis-sena nagħmlu ġimgħa jew ħmistax vaganza? Fejn hi l-imħabba vera jekk mhux fl-affarijiet sempliċi tal-ħajja? Imma llum tbegħedna minn dan kollu. Illum kważi kważi l-paċenzja telqitilna, ħarbitilna. Intom tafu bħalissa x’jiġifieri tistenna, x’jiġifieri jkollok il-paċenzja. Aħna ma nistgħux inħaffu u ngħaġġlu kollox. Mur agħmel il-fast track fuq ibnek jew fuq bintek li ħa titwieled!

Allura l-importanza tal-affarijiet żgħar fir-relazzjonijiet ta’ bejnietkom! Tinsewx illi għall-bniedem l-iktar affarijiet essenzjali huma l-affarijiet iż-żgħar, is-sempliċi, li aħna nieħdu for granted, bħal li tieħu nifs ’il ġewwa u ’l barra. Kemm ilna ma nkunu konxji aħna li nieħdu nifs ’il ġewwa u ’l barra? Meta kont l-aħħar konxju? Meta kellek l-influwenza u ridt tara kif tagħmel għax ma kontx qed tieħu nifs sewwa. Imma l-bqija, in-nifs neħduh for granted. It-taħbita tal-qalb, for granted! Li l-qalb tippumpja d-demm mal-ġisem kollu, for granted! Dan għaddej il-ħin kollu. L-affarijiet iż-żgħar imexxuha d-dinja. L-affarijiet iż-żgħar iżommuha relazzjoni. L-affarijiet iż-żgħar jagħmluha l-imħabba. Aktar ma tmur għal affarijiet kbar, b’xorti ħażina, ħafna drabi aktar ikun hemm neqsin l-affarijiet iż-żgħar.

Il-Vanġelu tal-lum jgħallimna niskopru s-sbuħija tal-affarijiet iż-żgħar. Imma m’hemmx għalfejn immorru fuq il-Vanġelu. Ħarsu lejkom infuskom. Kollox jibda minn xi ħaġa żgħira. U dik ix-xi ħaġa żgħira kemm hi prezzjuża, kemm hi delikata, kemm hi importanti… tant li naf li forsi lil uħud minnkom tatkom ħafna nkwiet u problemi! Il-Mulej jaf bihom dawn.

Naf li għadkom tarawh ’il bogħod dak iż-żmien meta jkollkom it-tarbija li l-Mulej għad jagħtikom, imma jista’ jkun li ma jkollix ċans nerġa’ ngħid kelma lilkom sa dak iż-żmien. Ħa ngħidilkom affarijiet li mhu ħa jgħidhomlkom ħadd, għax ma jaqblux mal-ebda sistema ekonomika u mad-dinja tax-xogħol. Jiddejqu jgħiduhomlkom. Imma jien irridilkom il-ġid, lilkom u lit-trabi tagħkom, allura mhux ser nibża’ ngħidhom.

Skużawni ħa nitkellem goff! Meta twelldu t-tarbija, tippruvawx tipparkjawha wara l-ewwel xhur għand ommu jew għand ommha. Tgħiduli: “Kif ser nagħmlu minħabba x-xogħol?”. Nifhimkom, imma araw kif tagħmlu. Fl-ewwel sentejn tal-ħajja t-tarbija għandha bżonn tal-preżenza kontinwa tagħkom. Ma jfissirx li l-ħin kollu kontinwament trid toqgħod ħdejha u magħha. Imma fl-ewwel sentejn int ma tistax titbiegħed wisq u għal tul ta’ żmien mit-tarbija tiegħek. Insewhom il-korsijiet barra minn Malta fl-ewwel sentejn. Insew ġimgħat li ma tarawx it-tarbija fl-ewwel sentejn. Għax issir ħsara kbira, imbagħad tgħid: “Imma x’għandu t-tifel tiegħi? X’għandha t-tifla tiegħi?”. Imbagħad tibdew bil-problemi, u mhux sentejn ikollok toqgħod mat-tarbija! Naf li qed inkun goff, imma dawn huma affarijiet li b’xorti ħażina ma jgħidhomlkom ħadd.

Jekk tridu tkunu tafu li dak li qed ngħid huwa xjentifiku, morru fittxu fuq Attachment Theory, studju ta’ John Bowlby li għadu sejjer sal-lum. Aqraw xi ħaġa fuqu. Għax b’xorti ħażina qed ngħixu f’dinja li lanqas tħallina nkunu naturali. Mhuwiex naturali li l-omm titbiegħed mit-tarbija, li missier jitbiegħed mit-tarbija fl-ewwel xhur u snin tal-ħajja. Id-dinja hekk ġabitna. Tifhmunix ħażin. Mhux qed ngħidilkom ma tmorrux taħdmu. Min jista’, jirranġa b’tali mod li mhux tipparkja t-tarbija tiegħek id-dar ta’ ommok u taraha biss billejl biex traqqadha. Mhux hekk, għax imbagħad jibdew ħafna problemi. It-tarbija, fl-ewwel sentejn ta’ ħajjitha, għandha bżonn ta’ punt ta’ riferiment wieħed, uniku. Għandi nifhem li din trid tkun l-omm jew il-missier, mhux xi ħadd ieħor. Imbagħad tieħu għalik għax it-tarbija tiegħek lil ommok tgħajtilha: “Ma”! U sintendi, ommok kuntenta, għax ma tafx.

Għalhekk l-affarijiet iż-żgħar: li inti toqgħod ma’ dik it-tarbija. L-affarijiet fil-moħbi, kif rabbew lilna u lil ta’ qabilna. Sinċerament ngħidhulkom dan, għaliex jista’ jkun tard wisq imbagħad. L-ewwel sentejn tal-ħajja huma importanti!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading