Il-kampnar ifakkarna fil-koppla

Is-Sibt, 22 ta’ Ġunju 2024: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa titulari ta’ San Ġwann Battista. Rotunda Arċipretali ta’ San Ġwann Battista, Xewkija.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Mhux biżżejjed kien hemm il-ħsara fil-koppla… kellha tinqala’ l-ħsara wkoll tal-kampnar.* U mhux biss! Imma l-orgni u anki s-sistema tas-sound flimkien mal-lift. Bħallikieku l-koppla ħadet għaliha li kienet se titranġa waħedha jew li kellha l-ħsara weħidha! Bħallikieku l-kampnar xtaq li b’xi mod ikun bħall-koppla!

X’inhi l-koppla?

Il-koppla mhix biss din it-tazza rasha ’l isfel li hawn fuqna. Il-koppla hi l-ftuħ tal-bnedmin, tagħna li qegħdin hawn fil-knisja, il-ftuħ lejn is-sema. Għalhekk tonda: iċ-ċirkularità hi sinjal jew simbolu tal-eternità. Ċirku la jibda u lanqas jispiċċa. Missirijietna kienu joqogħdu attenti biex aħna minn taħt naraw biss is-sema u xejn iktar. U minn fuq jidħol biss id-dawl tax-xemx, tal-kwiekeb u tal-qamar, mingħajr ma jkun b’xi mod imfixkel mill-ebda bini jew struttura tal-bniedem.

Il-koppla hi s-sinjal ta’ Alla qalb il-poplu tiegħu. Il-koppla tostor, tħares iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Tħares l-altar – il-preżenza ta’ Ġesù, il-preżenza tad-divin, ta’ dak li hu magħna imma li jerfagħna kontinwament ’il fuq.

X’inhu l-iskop tal-kampnar?

Għalfejn dak il-bini kollu? Għalfejn dik l-enerġija kollha? Għalfejn dak l-għoli kollu? Il-kampnar huwa l-binja li żżomm il-qniepen, dawk il-ħsejjes li jsejħu lilna l-bnedmin biex niġu taħt il-koppla. Għalhekk m’hemmx kampnar mingħajr koppla, u m’hemmx koppla mingħajr kampnar. Il-kampnar iżomm il-qniepen li jimmarkaw il-ġurnata sa mill-ewwel dwal tax-xemx filgħodu kmieni sakemm tinżel fit-tard. Matul il-jum ikun hemm mumenti fejn dak il-kampnar ifakkarna fil-koppla, jiġifieri fil-preżenza ta’ Alla, f’Ġesù.

Ejjew ma niqfux biss fil-ġrajja, fl-inċident li seħħ. Ejjew immorru lil hinn u nippruvaw nirriflettu ftit flimkien fl-okkażjoni tal-lum, fis-Solennità tat-Twelid tal-Battista, li jsejjaħ lilu nnifsu leħen, ħoss, dak illi juri t-triq. Ejjew f’din is-Solennità ma niqfux biss fid-dettalji tal-kostruzzjoni jew fit-tfixkil u fid-diffikultajiet li jinqalgħu ma’ din il-ġrajja.

Jiena nħoss illi l-kampnar hu simbolu, sinjal u tifkira. Il-kampnar: il-leħen li jsejjaħ, il-leħen li jiddefendi. Ma ninsewx kemm il-qniepen kienu importanti fl-istorja ta’ pajjiżna biex jiddefendu, jiġbru u jħarsu lin-nies fil-periklu tal-gwerer, tal-furbani, anki tal-istess maltempati. Kemm kienu importanti l-qniepen bħala leħen li jsejjaħ!

Imma dan il-kampnar jixbah ħafna dak li ġie biex iwettaq il-qaddis Protettur u Patrun tagħkom San Ġwann Battista. San Ġwann ġie biex juri t-triq, ġie biex isejjaħ lil kulħadd ħalli noqorbu lejn Ġesù, ħalli nsiru nafu lil Ġesù. U allura l-kampnar jgħid lill-koppla, u lilna dwar il-koppla: ‘Hawn hu l-Ħaruf ta’ Alla, hawn hu dak li jneħħi d-dnubiet, il-mard, id-dgħufijiet tad-dinja’. Il-kampnar jgħid lilna dwar il-koppla: ‘Jiena l-ħabib ta’ Alla, imma hu l-Għarus. Jien ma jistħoqqlix ninżel għarkupptejja u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu’. Il-kampnar jgħid lilna dwar il-koppla dalgħodu: ‘Nitbaxxa u niċċekken jien biex jikber Hu’. Il-kampnar irid jgħidilna dalgħodu lilna lkoll li l-iktar importanti hija l-preżenza ta’ Ġesù fil-ħajja ta’ kull wieħed u kull waħda minna: hu l-Ħaruf ta’ Alla, dak li jsalvana, dak li jagħtina l-ħelsien. Kemm hi sabiħa x-xena ta’ Ġwanni illi lill-ewwel Appostli – li kienu dixxipli tiegħu – jindikalhom l-Imgħallem. U dan hu r-rwol u l-funzjoni illi għandu kampnar fil-konfront ta’ knisja, fil-konfront tagħna.

Imma llum mhux biss qegħdin niċċelebraw il-Festa ta’ Ġwanni l-Battista illi huwa leħen. Qegħdin niċċelebraw ukoll il-festa ta’ kull wieħed u kull waħda minna, il-mod ta’ kif aħna nistgħu nixbhu lil Ġwanni l-Battista, inħalluh jitwieled u jikber fil-qalb tagħna. Ejjew nirreferu ftit għall-Vanġelu. Il-Vanġelu tal-lum jurina b’liema mod aħna nistgħu nkunu tassew bħall-kampnar, bħal Ġwanni l-Battista – leħen li kontinwament isejjaħ għal dak li hu l-iktar essenzjali, għal dak li hu l-iktar importanti f’ħajjitna: il-persuna ta’ Ġesù.

Il-ġrajja li għadna kif smajna (Lq 1:57-66.80) turina li kull wieħed u kull waħda minna aħna maħsubin fil-Qaddis tal-Qaddisin, fit-Tempju ta’ Alla. Ipprova rrifletti ftit, ipprova induna, kun konxju li int bħal Ġwanni l-Battista kont ippjanat minn Alla l-Missier. Kont maħsub biex titnissel, biex titwieled, kont maħsub fil-pjan tal-imħabba tiegħu, kif Ġwanni l-Battista kien maħsub u ppjanat fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, saħansitra fid-djalogu li l-anġlu Gabrijel jagħmel ma’ missieru Żakkarija.

Għalfejn importanti li nitilqu mill-bogħod? Għax illum ir-riskju hu illi ngħixu f’soċjetà u b’mentalità illi naħsbu li kull wieħed u kull waħda minna ġejna hawn b’kumbinazzjoni. Naħsbu illi kull wieħed u kull waħda minna rridu nistinkaw aħna u nagħmlu lilna nfusna aħna. Naħsbu li kull wieħed u kull waħda minna proprjetarji tal-persuna tagħna, ta’ ġisimna. Naħsbu li aħna nagħmlu lilna nfusna, inżommu lilna nfusna, u allura kollox jiddependi minna. Jekk titwelidx jew le tarbija jiddependi minni. Jekk imutx jew le raġel xiħ jiddependi minnu u minni. Imma l-Vanġelu tal-lum jgħallimna li l-affarijiet mhux qegħdin hekk. Jekk inti ppjanat minn qabel ma bdejt teżisti, allura int ma għamiltx lilek innifsek, allura jien ma nistax nippretendi li nżomm lili nnifsi, li niddeċiedi għalija nnifsi. Ma nistax ngħid: ‘Għax lili ma jindaħalli ħadd, għax ġismi tiegħi, lili ma jindaħalli ħadd’. Dan ikun nuqqas ta’ verità kbira.

Dan hu l-leħen illi għandna bżonn nisimgħu: lil dan Ġwanni li b’qawwa kbira qiegħed iressaqna u qiegħed imexxina lejn dawn il-veritajiet li kultant jaħbtu mal-emozzjonijiet tagħna. Kultant nitħawdu, kultant l-emozzjoni tagħna – forsi mingħalina emozzjoni ta’ ħniena u ta’ mogħdrija – iġġagħalna nagħmlu affarijiet li jmorru ’l bogħod mill-verità, li huma ’l bogħod minn dan il-leħen ta’ Ġwanni, li huma ’l bogħod minn dak li qed jgħidilna l-Vanġelu, minn dak li għadna kif smajna fil-Kelma ta’ Alla.

“Inroddlok ħajr għax tal-għaġeb għamiltni”, kantajna b’mod sabiħ ħafna ftit ilu, “insiġtni f’ġuf ommi”, tlabna fis-Salm 138. Għamiltni mingħajr ma jien kont naf, imbagħad ngħid li ġismi tiegħi. X’ġismi tiegħi! Mhux tiegħi, ma nistax nagħmel li rrid bija nnifsi, jekk jien ġej kollni kemm jien minn xi ħadd ieħor, minn xi ħadd li lili ħabbni, ħalaqni, rani minn qabel u ħa grazzja miegħi b’tali mod li ried li jkolli sehem fil-ħajja, fl-umanità, fid-dinja.

Ikompli l-Vanġelu jagħtina tagħlima oħra sabiħa. Jieqaf ħafna fuq il-fatt illi Ġwanni jiġi mogħti isem: Ġwanni. L-ikbar parti fil-Vanġelu li smajna tittratta dwar l-isem. X’jiġifieri tagħti isem? Hawn ħafna minnkom ġenituri u ħafna minnkom għaddejtu mill-esperjenza li tridu tagħtu isem. Meta tiġi biex tagħti isem, x’tagħmel? X’jaħbat ma’ rasek? Hawn min jaħbtu ma’ moħħu l-antenati tiegħu, qrib ma’ ommu, ma’ missieru, qrib man-nannu jew man-nanna, maz-ziju maz-zija. Hawn min iħares ’il barra u jħobb attur, plejer tal-futbol, kantant, u jgħid: ‘It-tifel tiegħi, it-tifla tiegħi nsemmiha għal dak jew għal dik’. Hawn min jiddeċiedi li jsemmi lit-tfal tiegħu għal xi ħadd mill-qaddisin, għax anki dawk huma mudelli ta’ min jimitahom. Illum saru inqas popolari, ngħiduha kif inhi; iktar huma popolari l-plejers, l-artisti, l-atturi, il-kantanti u l-bqija. Dawk l-iktar popolari, lanqas tant l-antenati tagħna m’għadhom popolari.

Imma li tagħti isem xi jfisser?

Meta tagħti isem int qed tipprova timmudella jew b’xi mod timmaġina minn qabel lit-tifel jew lit-tifla tiegħek skont l-idea tal-persunaġġ li tiegħu tajtu ismu jew tajtha isimha. Mhux se tippretendi li jkun ma nafx min, imma li jkollu xi ħiliet jew li tixbaha xi ftit jew li jixbhu xi ftit, dik tkun qiegħda fi ħsiebek, fin-naħa ta’ wara ta’ moħħok. U dak hu l-isem li aħna nagħtu lit-tfal tagħna. Kieku rraġunaw b’dan il-mod Żakkarija u Eliżabetta, skont il-Vanġelu li għadna kif smajna, x’isem kienu jagħtu lil Ġwanni? Żakkarija, għax in-nies stagħġbu, qalu: ‘Mela mhux se jsemmuh Żakkarija għal missieru!’. Normalment il-Lhud kienu jsemmu għan-nanniet, bħalma kien jiġri fostna sa ftit ilu.

Eliżabetta u Żakkarija t-tnejn li huma għandhom sehem fl-għoti tal-isem. Ma kienx biżżejjed li Eliżabetta tgħid: ‘Ġwanni se nsemmuh’; le, iridu jmorru fejn missieru. Sehem it-tnejn mhux sempliċiment fl-għoti tal-isem Ġwanni, imma fit-trobbija, fl-edukazzjoni, fil-formazzjoni ta’ dan it-tifel. U huma jduru lejn Alla u jmorru lil hinn minn dak li jixtiequ huma fuq it-tifel, u jgħidu: ‘Imma Alla xi jrid minn dan it-tifel?’.

Il-kampnar li jfakkarna fil-koppla

Ġwanni, il-leħen li jfakkarna fil-Kelma, f’Ġesù, fil-Ħaruf ta’ Alla. Ejjew aħna u nirranġaw il-kampnar u l-koppla, nirranġaw il-kampnar u l-koppla li għandna f’qalbna. Ejjew ir-riferiment għad-divin ma nitilfuhx. Ejjew dawk it-twieqi li lilna jgħinuna nħarsu lejn is-sema ċar u sabiħ, u jħallu d-dawl jidħol minnhom, ma ntappnuhomx, imma nħalluhom ċari kif kienu darba. Ejjew inħallu l-leħen ta’ Ġwanni jgħajjat mingħajr ma nifgawh, mingħajr ma nkissru s-sistema tal-awdjo, mingħajr ma nkissru l-orgni, anzi nirranġawhom biex jgħajtu iktar. Ejjew inħalluh dak il-leħen jidwi u jfakkarna li aħna m’aħniex biss immanenti, fi kliem ieħor, nies li ngħixu hawnhekk, geddumna mal-art, kif ħafna drabi spiċċajna. M’għadniex nafu nħarsu ’l fuq, m’għadniex nafu jkollna viżjoni iktar wiesgħa, m’għadniex nafu jkollna d-dawl, il-ħoss li jiġi mis-sema.

Din hi l-festa li qed nagħmlu llum. U allura xi jfisser illi aħna nduru lejn is-sema u fuq kull wieħed u kull waħda minna ngħidu: ‘Imma x’inhu l-isem li Alla jrid jagħti lili, lilek, lil kull wieħed u kull waħda minna?’. Aħna normalment ikollna tliet ismijiet: l-isem li tawna l-ġenituri; il-laqam illi bih jgħajtulna, li ħafna drabi ikun iktar veru mill-isem għax jolqot preċiż l-identità tiegħek, dak li int, ħafna drabi nkaxkru l-laqam ta’ dawk ta’ qabilna; imma mbagħad hemm isem ieħor, li jafu Alla biss għal kull wieħed u kull waħda minna, li aħna rridu niskopru f’ħajjitna. U jekk ma niskopruhx, nitilfu biċċa kbira. Imma b’xorti ħażina dan l-isem li jrid jagħtina Alla – is-sejħa tiegħek ta’ raġel miżżewweġ, mara miżżewġa; il-professjoni tiegħek ta’ tabib, avukat, nutar, qassis; imma kif irid il-Mulej – ħafna drabi dak l-isem nittraskurawh, ninsewh! Ma ninsewx li anki Ġwanni kellu tliet ismijiet: Żakkarija li ried jagħtih missieru, li l-qraba tiegħu ma tawhulux; il-laqam li tawh in-nies, il-Battista, l-Għammiedi; u Ġwanni, l-isem li tah Alla.

Qed niċċelebraw is-Solennità kbira tat-Twelid ta’ dan ir-raġel li kien jaf postu fejn hu u sa fejn għandu jasal. Kien jaf li ma għamilx lilu nnifsu. Kien jaf li mhux awtosuffiċċjenti. Kien jaf li hemm xi ħadd ikbar minnu. Kontinwament ħajtu kienet li jipponta subgħajh, jirreferi għal min kien ikbar minnu. Ejjew inħallu lil dan il-leħen, lil dan il-kampnar jindikalna kontinwament il-koppla, lil Alla. Aktar ma l-kampnar ta’ qalbna – il-leħen li jwassalna għand Alla, il-kuxjenza – u aktar ma l-koppla ta’ qalbna jkunu rranġati, aktar Alla jkun ħaj fina. Imbagħad il-kampnari u l-koppla ta’ barra jitranġaw kważi waħedhom. Jiena dan nawguralkom. Nirranġa l-ewwel il-koppla ta’ qalbi; u ta’ barra – kif diġà qegħdin tagħmlu – jitranġaw.

* Fid-29 ta’ April 2025, kawża ta’ maltempata kbira, sajjetta laqtet u għamlet ħsarat konsiderevoli fil-kampnar, is-sistema tal-awdjo, l-orgni u l-lift tar-Rotunda tax-Xewkija.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading