Kunu bħal Marija, d-dixxiplu awtentiku

Il-Papa għall-Festival taż-Żgħażagħ ta’ Medjugorje: Kunu bħal Marija, d-dixxiplu awtentiku

Il-Ġimgħa, l-Papa Franġisku bagħat messaġġ lill-parteċipanti tal-35 Festival taż-Żgħażagħ ta’ Medjugorje, li qed isir bejn l-1 u s-6 ta’ Awwissu. Fil-messaġġ tiegħu l-Papa esprima l-ferħ tiegħu li seta’ jindirizza lil dawk kollha li qed jieħdu sehem f’dan il-festival, filwaqt li rrifletta fuq it-tema: “Marija għażlet l-aħjar sehem”. Abbażi ta’ dan, il-Papa Franġisku offra liż-żgħażagħ ftit suġġerimenti qosra mmirati lejn it-tkabbir spiritwali u l-impenn tagħhom lejn il-Knisja u mad-dinja kollha.

Il-Papa Franġisku ddedika l-messaġġ tiegħu lil dawk li ddeskriva bħala “dixxipli awtentiċi”. Spjega, li “b’dak li jgħid lil Marta, oħt Lazzru u Marija, Ġesù jfakkarna li l-approwċ tad-dixxiplu awtentiku hu li jisma’ l-Kelma tal-Mulej. Marija tinduna li l-Mulej daħal f’darha, imma Hu jrid jidħol f’qalbha. Tabilħaqq, hi qagħdet f’riġlejh biex tisma’ lilu, u b’hekk “għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”.” (Lq 10:42).

Dixxipli awtentiku ieħor, kompla l-Papa, hija Marija ta’ Nazaret. Spjega li Alla daħal f’darha u kellimha. Laqgħet il-Kelma ta’ Alla f’qalbha, ipparteċipat fil-pjan tiegħu, u offriet lilha nnifisha kollha kemm hi meta Alla bagħat lil Ibnu. Kienet preżenti taħt is-salib meta Ġesù feda d-dinja u mxiet wara l-appostli f’Għid il-Ħamsin meta twieldet il-Knisja. Billi ħadnet il-Kelma ta’ Alla, l-Verġni Marija wettqet fedelment il-missjoni tagħha, u għażlet l-aħjar sehem: il-Mulej Ġesù.

“Bl-istess mod, għeżież ħbieb, intom imsejħin biex issiru dixxipli awtentiċi ta’ Kristu” , qal il-Papa. Huwa stieden liż-żgħażagħ preżenti biex jibqgħu fil-preżenza tal-Imgħallem biex jimmeditaw fuq il-Kelma ta’ Alla, talab li jħalluha ddawwal lil moħħom u lil qalbhom biex jiskopru u jikkollaboraw fil-pjan li l-Missier għandu għal kull wieħed minnhom. “Għalhekk”, kompla, “inħeġġiġkom biex tistabbilixxu relazzjoni mill-qrib mal-Evanġelju u żżommuh magħkom, biex iservi ta’ boxxla li jindika t-triq li tridu timxu”.

Il-Qdusija Tiegħu kompla billi spjega li, “d-dixxiplu awtentiku, li jsir għaref u b’saħħtu fl-Ispirtu, bilfors se jittrasmetti s-Saltna ta’ Alla lill-oħrajn, għax ix-xandir tal-Kelma tiegħu mhix obbligu biss għas-saċerdoti u r-reliġjużi, imma wkoll għalikom, għeżież żgħażagħ”. Huwa ħeġġeġ lil kull żagħżugħ preżenti biex ikollhom il-kuraġġ jitkellmu ma’ Kristu fil-familja tagħhom, fl-ambjenti edukattivi u tax-xogħol tagħhom, u fil-ħin liberu tagħhom. “Ħabbruh b’mod speċjali b’ħajjitkom, billi turu l-preżenza viżibbli ta’ Kristu fl-eżistenza tagħkom, fl-impenn tagħkom ta’ kuljum, u f’koerenza mal-Evanġelju f’kull deċiżjoni konkreta”.

Fl-aħħarnett, il-Papa Franġisku feda lil kull żagħżugħ preżenti f’idejn Ommna Marija, Omm il-Knsija, “biex tinterċedi għalikom biex ikollkom is-saħħa u l-għerf titkellmu ma’ Alla u titkellmu dwar Alla”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-08/message-of-pope-francis-participants-medjugorje-youth-festival.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading