Bi tħejjija għall-Ġublew tas-Sena 2025: Pellegrini tat-Tama, hawn xi ħsibiiet dwar it-TAMA, mill-ktieb ta’ San Gorg Preca, “Il-Vuċi tal-Kustodju”.
Miġbura minn Joe Galea.
Nistħajlu li qed nisimgħu lill-Anġlu Kustodju tagħna jagħtina xi tagħlim. Nagħmlu djalogu miegħu.
Anġlu kustodju tiegħi, jiena nemmen li inti dejjem miegħi minn twelidi sa mewti, u s-Sinjur Alla tiegħi u tiegħek jikkmandani biex nisma’ l-vuċi tiegħek.
Ruħ għażiża għal Alla kreatur tagħna, dan hu veru li inti ġejt afdat lili biex nindukrak dejjem mhux biss għal dak li jmiss lilek, imma anki għal dak li jmiss it-tabernaklu li fih tinsab, jiġifieri lil ġismek. Ma rridx rikonoxxenza oħra minnek għal kull servizz tiegħi miegħek ħlief li inti tkun doċli għall-ispirazzjonijiet kollha tiegħi li jiena nitkellem fik.
Jiena spiss nisma’ l-vuċi tiegħek fija u bosta drabi jiena għamilt kontra tagħha, speċjalment fil-ksur tas-silenzju mentali u vokali; u għalhekk nitlob maħfra lil Alla u lilek u nagħti kelma ferma li ma nkunx iżjed reżistenti għad-dawl tiegħek.
Se nkellmek fuq is-sinjali li minnhom inti tagħraf b’persważjoni kbira l-veritajiet u b’hekk għandek tapprofitta ruħek għall-ġid tiegħek, speċjalment li tikkoreġi ruħek fejn tara lilek innifsek nieqes.
Nirringrazzja lil Alla li tani b’kustodju kreatura hekk nobbli, hekk fidila, hekk maestuża bħalma inti int, o Sinjur Anġlu tiegħu. Ammen.
Is-Sinjur Alla jikkmanda li inti tisma’ l-vuċi tiegħi, għax jiena miegħek bil-volontà tiegħu. Isma’ u ifhem. Inkellmek fuq:
IT-TAMA
- It-tama titnissel u tinżamm fil-qalb mill-ħsieb li hemm il-mezzi tal-għajnuna u li Dak li għandu dawn il-mezzi huwa tajjeb, ġeneruż u ħanin.
- Ħadd ma jittama minn ieħor li jkollu biss il-mezzi tal-għajnuna jekk ukoll ma jkollux qalb tajba; lanqas jekk ikollu qalb tajba biss mingħajr ma jkollu wkoll il-mezzi tal-għajnuna.
- It-tama, immela, tqanqal il-bniedem biex jirrikorri: għalhekk mhemmx dubju, per konsegwenza, li l-orazzjoni hija s-sinjal tat-tama.
- Kieku r-ruħ ma kinitx persważa li Alla huwa u tajjeb, żgurament ma kenitx tqiegħed il-fiduċja tagħha fih u lejh tirrikorri bl-orazzjoni tal-fidi. Il-kreazzjoni stess tippriedka b’vuċi soda dawn iż-żewġ attributi f’Alla, l-Omnipotenza. Infatti x’jista’ jkun impossibbli għal Alla li biss bil-kelma tiegħu qiegħed fl-eżistenza dak li ma kienx jeżisti? U t-Tjubija, infatti x’neċessità kellu Alla li jaħlaq u li jagħti sehem fil-ħajja ħlief għal tjubitu, billi huwa m’għandu bżonn ħadd u bżonn ta’ xejn?
- Intant wieħed jitlob ‘l Alla, għax jittama fih Għax fih u b’hekk jigglorifikawh billi jistqarru omnipotenti u tajjeb.
- Imbierek il-bniedem li jqiegħed il-fiduċja tiegħu f’Alla ta’ Iżrael, u beatu għax talbiet li jagħmel lil Alla ma jistgħu jġibu qatt konfużjoni, għaliex kollox hu suġġett għat-tibdil iżda Alla tagħna huwa dejjem l-istess. Le, mhuwiex imbierek min iqiegħed it-tiegħu fil-ħwejjeġ maħluqa: għaliex dawn mhux biss m’għandhomx is-suffiċjenza, imma kollha huma imqegħdin fuq l-inċertezza, kif jippriedka s-sens komun bl-esperjenzi tiegħu li riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa.
- Hemm vera tama fil-bniedem li jagħmel l-orazzjoni u li jagħmilha bil-perseveranza. Il-ħajja tal-Qaddisin hija kors kontinwu ta’ orazzjoni, għaliex it-tama f’Alla hija fihom kostanti:
- U x’inhuwa qatt li Alla jiċħad lill-bniedem, xħin lilu huwa tal-istess Iben tiegħu? Forsi huwa ma tahx kollox Miegħu? Min huwa li ma jitlobx ħlief dak li ma jittamax? Min huwa dak li jirrikorri ħlief dak li jittama?
- Ġesù Kristu għallem li f’ħadd ħlief f’Alla m’għandu wieħed jittama, meta qal biex wieħed ma jsejjaħ lil ħadd missier fuq din l-art? Missier fuq din l-art huwa tassew kollu providenza u kollu mħabba lejn uliedu, iżda huwa wkoll kreatura li minn stat tgħaddi f’ieħor f’ħin bla waqt.
- Min huwa li jista’ jaqta’ qalbu u jintefa’ fid-disperazzjoni, xħin jikkonsidra t-tjubija u l-ħniena bla tarf ta’ Alla omnipotenti, xħin jiftakar f’midinbin kbar li qalgħu maħfra, xħin jimmedita l-parabbola ta’ l-iben il-ħali u tan-nagħġa l-mitlufa, xħin jitfa’ ħarsa fuq il-kruċifiss li xerred demmu għall-maħfra tad-dnubiet?
- Ħwejjeġ bħal dawn jitfgħu fil-bniedem it-tama u b’ċerta forza jqanqluh biex jirrikorri lejn Alla u jitolbu l-għajnuniet kollha neċessarji.
Aktar riżrosi għall-Ġublew 2025: Pellegrini tat-Tama … https://laikos.org/g2025/
